Internazzjonali

Iċ-Ċina tissospendi ż-żjarat tan-Navy Amerikan lejn Hong Kong

Iċ-Ċina sospendiet iż-żjarat f’Hong Kong għall-bastimenti u ajruplani tal-qawwiet tal-baħar tal-Istati Uniti. Dan wara li Washington, jiem ilu, għadda leġislazzjoni li tappoġġja lid-dimostranti li qegħdin jipprotestaw favur id-demokrazija f’Hong Kong — l-eks kolonja tar-Renju Unit li għaddiet taħt is-sovranità taċ-Ċina fl-1997.

Il-Liġi għad-Drittijiet Umani u d-Demokrazija, iffirmata mill-President Amerikan, Donald Trump, tesiġi evalwazzjoni, darba f’sena, li tikkonferma jekk Hong Kong għandux biżżejjed awtonomija biex jiġġustifika status speċjali għall-kummerċ mal-Istati Uniti. Il-President Trump, illum, qed jipprova jilħaq ftehim maċ-Ċina biex tintemm ‘il-gwerra kummerċjali’ li ilha għaddejja x-xhur bejn il-pajjiżi.

Il-Ministeru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin, intant, qal li qed jissospendi l-proċessi li jevalwaw l-applikazzjonijiet tal-bastimenti u ajruplani (militari) tal-Amerikani biex iżuru Hong Kong. L-awtoritajiet f’Beijing ħeġġew biex l-Istati Uniti ‘ma tindaħalx aktar fl-affarijiet interni taċ-Ċina’ u insistew li, jekk neċessarju, lesti jieħdu aktar passi ‘biex jikkonsolidaw l-istabbilità ta’ Hong Kong u s-sovranità ( taċ-Ċina) fuq it-territorju’.

Iċ-Ċina ħabbret ukoll li se jittieħdu sanzjonijiet (mhumiex speċifiċi) kontra numru ta’ organizzazzjonijiet Amerikani favur id-drittijiet umani – b’dawn jinkludu l-Human Rights Watch u Freedom House. Kelliema għall-Gvern Ċiniż qalu li dawn il-gruppi ‘iridu jħallsu l-prezz talli jġorru parti mir-responsabbiltà għall-kaos f’Hong Kong.