Lokali

“Il-proġett tagħna għadu ħaj” – Konrad Mizzi

Il-proġett tagħna għadu ħaj.

Kienet din waħda mid-dikjarazzjonijiet li bihom id-deputat Laburista Konrad Mizzi indirizza lil Joseph Muscat f’messaġġ fuq il-midja soċjali. Dan ftit tal-ħin wara li l-mexxej Laburista ħabbar li se jħalli t-tmexxija tal-Partit Laburista fit-12 ta’ Jannar li gej.

Din id-dikjarazzjoni mhux biss kompliet iżid ir-rabja, iżda qajmet ferm iktar mistoqsijiet, fosthom għal liema proġett qed jirreferi Konrad Mizzi. Dan fost oħrajn għaliex issa kull ftehim li laħaq Konrad Mizzi fl-aħħar snin hemm dubji serji dwaru.

Ewlieni fosthom il-proġett tal-power station il-ġdida tal-Electrogas, iffurmata minn konsorzju li fost oħrajn kien jinkludi lil Yorgen Fenech … sid tal-kumpanija 17 Black.

Minn din il-kumpanija, Konrad Mizzi, li rriżenja darbtejn f’żewġ leġiżlaturi minħabba l-iskandli li kien protagonist fihom, kellu jirċievi mal-€5,000 kuljum f’kumpanija sigrieta moħbija fil-Panama. Dan joħroġ minn emails ta’ Nexia BT.Ironikament, wara li din kienet waħda mir-raġunijiet li niżżlu lil Joseph Muscat, Konrad Mizzi għalaq il-messaġġ tiegħu bil-kelma  – ‘Inħobbok’.