Lokali Qorti

Irtirat il-mandat ta’ inibizzjoni ta’ Yorgen Fenech biex l-Ispettur Arnaud ma jkomplix jinvestiga l-każ

Ġie rtirat il-mandat biex l-Ispettur Keith Arnaud ma jkompliex bl-investigazzjoni tal-każ ta’ qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-Qorti għalhekk mhux se tagħti deċiżjoni fuq il-mandat ta’ inibizzjoni li għamel Yorgen Fenech, minħabba skont l-istess Fenech jeżisti kunflitt ta’ interess.

Il-mandat kellu jingħata mill-Imħallef Miriam Hayman it-Tnejn, iżda l-avukati ta’ Yorgen Fenech li nhar is-Sibt li għadda tressaq il-Qorti b’rabta mal-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia, rtiraw il-mandat.

Kollox jindika li l-mandat ġie rtirat minħabba li Yorgen Fenech ta’ 38 sena tressaq il-Qorti u għalhekk l-investigazzjoni fil-konfront tiegħu dwar jekk għandux jitressaq jew le issa ġiet konkluża, u għaldaqstant m’ għadhiex tagħmel aktar sens.

Il-mandat kien ġie milqugħ temporanjament mill-Qorti u anke saret trattazzjoni mill-partijiet fuqu fejn id-difiża kienet qed tikkkontendi li ma tistax issir ġustizzja jekk l-Ispettur Keith Arnaud ikompli jinvestiga lil Yorgen Fenech.

Dan, peress li skont Yorgen Fenech l-investigatur Keith Arnaud huwa ħabib u għandu rabtiet ma’ persuna, Keith Schembri, li wkoll kien taħt investigazzjoni.