Lokali Qorti

Il-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech għal quddiem il-Maġistrat Nadine Lia

Il-kumpilazzjoni biex jinstemgħu l-provi ta’ Yorgen Fenech, mixli ‘kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ftit aktar minn sentejn ilu ġiet assenjata għal quddiem il-Maġistrat Nadine Lia.

Dan sar magħruf wara li kif isir skont il-prassi tal-kumpilazzjonijiet saret polza biex tiġi assenjata quddiem Maġistrat, u x-xorti messet lill-Maġistrat Nadine Lia.

Għadu mhux magħruf jekk il-Maġistrat Lia hux se taċċetta jew tirrinunzja biex quddiema jinstemgħu l-provi ta’ Yorgen Fenech ta’ 38 sena, residenti Portomaso San Ġiljan, li qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Dan peress li l-Maġistrat hija l-mara tat-tifel tal-Avukat Pawlu Lia, li huwa l-avukat tal-Partit Laburista u għandu rabtiet sew mal-istess partit.

Fenech qed jiġi mixli li fis-16 ta’ Ottubru 2017 wara nofs inhar u fix-xhur u s-snin ta’ qabel din id-data, ppromova, kkostitwixxa, organiżża jew iffinanzja għaqda bil-ħsieb li jwettqu reati kriminali.

Qed jiġi mixli wkoll li pparteċipa b’mod attiv fl-attivitajiet kriminali tal-għaqda, u mhux limitat għall-għoti ta’ nformazzjoni jew ta’ meżżi materjal jew reklutaġġ ta’ membri ġodda, meta kien jaf l-għan jew l-attività b’mod ġenerali tal-għaqda stabbilità.

Li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi persuni li dolożament bil-ħsieb li joqtlu persuna, cioe lil Daphne Caruana Galizia, jew li jqiegħdu l-ħajja tagħha f’periklu ċar, ikkaġunawlha l-mewt.

Kif ukoll li f’Malta assoċja ruħu ma’ xi persuna jew persuni f’Malta jew barra minn Malta bil-għan li jwettaq delitt f’Malta li għalih hemm piena ta’ priġunerija.

Kif ukoll li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi li dolożament, b’sustanza splussiva wettqu splużjoni li kkaġunat il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia jew li setgħet tqiegħed f’periklu l-ħajja ta’ ħaddieħor jew tagħmel ħsara gravi lil ħwejjeġ ħaddieħor. Il-kumpilazzjoni trid tibda fi żmien 15-il ġurnata skont il-liġi.