Lokali

L-akbar avveniment mondjali li qatt sar f’Malta

30 sena ilu, bejn it-2 u t-3 ta’ Diċembru 1989, seħħ f’pajjiżna s-Summit storiku bejn George H.W. Bush – il-President tal-Istati Uniti tal-Amerika – u Mikhail Gorbachev – il-President tal-Unjoni Sovjetika.

Dan is-Summit għadu sal-lum jissemma minħabba li matulu ġiet fi tmiemha dik li kienet magħrufa bħala l-Gwerra l-Bierda, li kienet ilha għaddejja bejn dawn iż-żewġ superpotenzi sa minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

F’artiklu f’In-Nazzjon, l-Eks Editur ta’ ‘In-Nazzjoni u ‘Il-Mument’ Victor Camilleri kiteb li fix-xhur ta’ qabel kienu seħħew ġrajjiet li ftit, dak iż-żmien, setgħu jimmaġinaw, b’mod li għadd ta’ pajjiżi mill-Ewropa tal-Lvant irmew il-politika komunista ta’ pajjiżhom, waqqgħu gvernijiet pupazzi ta’ Moska, u bdew it-triq lejn id-demokrazija. Xejn ma kien akbar, iżda, minn dak li seħħ fil-Ġermanja bil-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin, is-simbolu ewlieni tal-eġemonija komunista.

Fost dawn l-iżviluppi eċitanti, Malta kienet qed tipprepara biex tospita l-aqwa żewġ personalitajiet ta’ dak il-mument – Bush u Gorbachev. F’pajjiżna kien hawn aspettattiva li rarament rajna bħalha; u bir-raġun, għaliex kien propju f’dan il-pajjiż żgħir tagħna li kienet waslet is-siegħa biex flok il-konfront militari jidħol id-djalogu raġunat, u flok id-dittatura tibda tirrenja d-demokrazija f’partijiet kbar tad-dinja.

L-eroiżmu tal-Maltin fil-gwerra kien issejjaħ Malta’s finest hour. Iżda fiż-żmien ta’ paċi, żgur li s-Summit tal-1989 kien għaliha l-aqwa żmien.

Tifkira Speċjali

F’artiklu separat l-Eks Ministru Tonio Borg kiteb li t-tifkiriet tiegħu tas-Summit ta’ Bush u Gorbachev f’Malta f’Diċembru 1989,  fejn intemmet il-Gwerra l-Bierda – li ndifnet fl-ibħra mqallba Maltin waqt maltempata kbira – għadhom friski f’moħħi daqs kemm kienu tletin sena ilu.

Il-mod kif intgħażlet Malta hu spjegat tajjeb fl-awtobijografija ta’ Eddie Fenech Adami; kienet iż-żjara ta’ ħu l-President Bush għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 sena ta’  Malta  Indipendenti f’Settembru 1989, li wasslet lill-President Amerikan joqgħod fuq il-parir ta’ ħuh u jiddeciedi li jipproponi lil Gorbachev, li accetta, li s-summit isir Malta.

Bħala parti mix-xenarju, iż-żewġ mexxejja ddeċidew li s-summit isir f’laqgħat li jalternaw minn fuq vapur tal-gwerra Amerikan u vapur tal-gwerra Russu fil-port ta’ Marsaxlokk.

L-għażla ta’ Malta għas-summit kienet suċċess kbir għal Fenech Adami.

L-ewwel li wasal f’maltempata qalila kien George Bush. Hu ġie milqugħ b’dinjità kbira mill-President Ċensu Tabone, li kien għadu kif ġie maħtur President  ftit xhur qabel u li wettaq ir-rwol tiegħu ta’ mexxej tan-nazzjon b’eżattezza u b’korrettezza kbira.

Fenech Adami  tela’ fuq helicopter militari Amerikan flimkien mal-President Bush. Il-helicopter wassal liż-żewġ mexxejja fl-Arena tal-Indipendenza u minn hemm, il-President Bush daħal f’karozza speċjali li nġiebet apposta mill-Amerika   biex hu jagħmel il-vjaġġ qasir mill-Furjana għal Kastilja. Il-folla li nġabret quddiem Kastilja, minkejja l-maltemp, ma tħallietx tersaq viċin il-President hekk kif dan beda tiela’ t-taraġ ta’ Kastilja għal-laqgħa ma’ Fenech Adami.

Gorbachev ġie filgħaxija. Malli wasal fil-pjazza ta’ Kastilja għal taħditiet mal-Prim Ministru Fenech Adami, hu abbanduna l-protokoll u resaq lejn il-folla li kienet miġbura n-naħa tal-Kavallier ta’ San Ġabku.

Il-folla, bl-entużjażmu, infexxet f’għajat ta’ Gorby, Gorby. Imqabbel mal-mexxejja Russi ta’ qablu, hu kien qisu xi politiku tal-Punent , li jħobb jiltaqa’ man-nies u ma jinjorahomx. Nista’ ngħid li dakinhar, fil-Pjazza ta’ Kastilja, Gorbachev seraq il-qalb u s-simpatija ta’ kull min kien hemm.

Il-maltemp qalil tal-għada beda jfixkel it-traġitt taż-żewġ mexxejja minn vapur għal ieħor fil-Port ta’ Marsaxlokk. Għadni niftakar lil Bush, li f żgħożitu kien fin-Navy, jitla’ fuq il-lanċa biex iġġorru għal fuq il-vapur Russu qisu mhux hu,  minkejja l-baħar imqalleb anki fil-Port. Iżda s-Segretarju tal-Istat James Baker kellu dik il-patch li tagħmel ma’ widintek biex il-baħar ma jagħmillekx deni!

Għal mument, aħna konna qed nittamaw li invista tal-maltemp, iż-żewġ mexxejja jiddeċiedu li jinżlu fuq l-art, u kien hemm diġà mħejji għalihom il-Kastell tal-Verdala għat-tkomplija tal-laqgħa.

Iżda inzerta kien hemm fil-Port ta’ Marsaxlokk – probabbilment bħala prekawzjoni min-naħa Russa – il-vapur tal-passiġġieri il-Maxim Gorky u s-summit sar fuqu, inkluż it-teħid bl-idejn fl-aħħar tas-Summit fi sfond ta’ bandiera Russa u oħra Amerikana li ssiġillat bidu ġdid għar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ superpotenzi.

Dan is-summit kien żvolta. Ftit qabel, f’Novembru 1989, kien litteralment waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin. Is-summit ta’ Malta kkonferma li r-Russja kienet lesta li ċċedi l-influwenza tagħha fuq il-pajjiżi satelliti, inklużi l-pajjiżi Baltiċi li, kuntrarjament għall-Polonja u l-Ungerija, kienu ġew annessi mir-Russja.

Avveniment importanti f’din id-damma ta’ ġrajjiet f’dik is-sena kien is-Summit ta’ Malta. F’dik is-sena wkoll, fir-rebbiegħa tal-1989, kienu saru l-protesti magħrufa tal-istudenti u żgħażagħ Ċiniżi fi Pjazza Tienanmen f’Beijing li waqfu meta ġew mifxula u mħarbta minn truppi militari Ċiniżi fl-4 ta’ Ġunju 1989.

Is-Summit ta’ Malta kien qisu dak li għaqqad ċoff madwar l-inċidenti u lill-avvenimenti kollha tahom impronta dejjiema u irriversibbli. L-arja tal-libertà nxterdet f’postijiet u mkejjen li qatt ma konna nobsru li jistgħu jaslu. Iż-żerriegħa tal-libertà nxterdet f’diversi bnadi, u għalkemm ma nibtitx kullimkien, biddlet ix-xenarju politiku fl-Ewropa.

Aktar dettalji jinsabu fil-ħarġa ta’ In-Nazzjon tal-lum.