Lokali Qorti

L-Avukat ta’ Keith Schembri ma jridx jibqa’ jassistih – Schembri assenti mill-Qorti

L-Avukat Andrew Sciberras li kien qed jidher għal Keith Schembri fil-każ tal-libell li fetaħ kontra l-ġurnal The Malta Independent, għażel li ma jkomplix jassisti lill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

L-Avukat informa li kien se jirtira mill-patronaġġ ta’ Schembri lill-Maġistrat Victor Axiaq hekk kif kien se jkompli jinstema’ l-każ li Schembri fetaħ dwar artiklu ppubblikat u li kien jisħaq li l-HSBC kien mistenni jniedi investigazzjoni dwar possibbilità ta’ preżentazzjoni ta’ dokumenti foloz li jirrigwardjaw lil Keith Schembri u lil Malcolm Scerri.

Is-smigħ li kellu jsir it-Tnejn kellu jiġi sospiż bi Schembri ma jitlax il-Qorti.
L-Avukat Andrew Sciberras ftit tal-minuti wara li beda s-smigħ u meta kien imissu jitkellem, informa mill-ewwel lill-Qorti li huwa ma kienx se jibqa’ jidher għal Schembri.

L-Avukat Peter Fenech, għan-nom ta’ The Malta Independent tenna li se jkun qed jistenna sas-seduta li jmiss biex jara jekk Schembri huwiex se jqabbad avukat ieħor. Il-każ ikompli fis-27 ta’ Jannar, 2020.