Formula 1 Sport

L-organizzaturi kontra l-ħin biex ilestu l-bini taċ-ċirkwit f’Zandvoort

(Ritratt: EPA)

Ħames xhur qabel l-ewwel Grand Prix tal-Olanda mill-1985, l-organizzaturi finalment bdew il-ħidma elaborata biex jirranġaw iċ-ċirkwit ta’ Zandvoort. Diversi każijiet fil-qorti minn ambjentalisti fl-aħħar xhur, heddew li jpoġġu f’periklu l-Grand Prix tal-Olanda, hekk kif l-organizzaturi kienu għadhom iridu jiksbu l-permessi neċessarji.

Id-diretturi tat-tellieqa qalu lbieraħ li kienu ċerti li l-avveniment se jseħħ kif ippjanat fit-3 ta’ Mejju tas-sena d-dieħla. Aktar kmieni dan ix-xahar, il-qorti ċaħdet talba tal-ambjentalisti fejn qalu li dawk involuti fl-irranġar taċ-ċirkwit qed joħonqu speċi naturali.

Hemm aktar minn 100 ħaddiem li qed jaħdmu kontra l-ħin biex iċ-ċirkwit ikun lest għal Mejju li ġej. Iċ-ċirkwit li nbena l-ewwel fl-1948, kellu jerġa’ jiġi ddisinjat. Jarno Zaffelli li qed jieħu ħsieb id-disinn taċ-ċirkwit, qal li kienet sfida biex jippreservaw l-istorja taċ-ċirkwit filwaqt li jkunu konformi mar-regoli eżistenti.

Zaffelli qal li ċ-ċirkwit se jkun formidabbli biex isuqu iżda se jkun diffiċli għas-sewwieqa biex jaqbżu l-karozzi. Għalkemm is-sewwieq ta’ Ferrari Sebastian Vettel qal li l-opportunitajiet se jkunu rari, l-eks sewwieq Jan Lammers qal li ċ-ċirkwit il-ġdid se jpoġġi lis-sewwieqa kollha għal eżami. L-istaġun il-ġdid jibda fil-15 ta’ Marzu fl-Awstralja.