Futbol Sport

Messi rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb għas-sitt darba

(Ritratt: EPA)

L-attakkant ta’ Barcelona Lionel Messi rebaħ il-Ballun tad-Deheb organizzat minn France Football għal rekord sitt darbiet. L-Arġentin ta’ 32 sena rebaħ dan l-unur għall-ewwel darba mill-2015, b’staġun 2018/19 mill-aqwa li fihom skorja 54 gowl mal-klabb u n-nazzjonal u reġa’ rebaħ La Liga ma’ Barcelona.

Id-difensur ta’ Liverpool Virgil van Dijk spiċċa fit-tieni post segwit mill-ħames darbiet rebbieħ Cristiano Ronaldo li temm fit-tielet post. Liverpool kellhom erba’ plejers mal-ewwel sebgħa, b’Sadio Mane, Mohamed Salah u Alisson Becker jispiċċaw fir-raba’, il-ħames u s-seba’ post rispettivament. Fis-sitt post spiċċa l-attakkant ta’ PSG Kylian Mbappe.

L-Amerikana Megan Rapinoe rebħet l-unur tan-nisa, bid-difensur Ingliża Lucy Bronze tispiċċa fit-tieni post u Alex Morgan tal-Istati Uniti temmet fit-tielet post.

Il-gowlkiper ta’ Liverpool Alisson Becker għeleb l-isfida tal-gowlkiper ta’ Barcelona Marc-Andre ter Stegen u dak ta’ Manchester City Ederson biex rebaħ l-unur inawgurali dak tat-trofew Yashin.

Id-difensur Matthijs de Ligt rebaħ it-trofew Kopa għall-aqwa plejer ta’ taħt il-21 sena li hu magħżul mir-rebbieħa passati tal-Ballun tad-Deheb. L-Olandiż ta’ 20 sena li ngħaqad ma’ Juventus f’dan is-sajf, għen lil Ajax jaslu sas-semifinali tal-UEFA Champions League u kiseb doppjetta domestika. Hu għeleb l-isfida ta’ Jadon Sancho.