Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni toħroġ mill-parlament u mhux se tidħol sakemm Muscat idum Prim Ministru

Joseph Muscat irid jibqa' fil-kariga biex jimmanipula l-investigazzjonijiet tal-pulizija

Fl-4.35 pm, il-Gvern, permezz tal-Prim Ministru, jibda jiddiskuti fil-parlament il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia propju meta l-Oppożizzjoni ma kinitx fil-parlament

Joseph Muscat irid jibqa’ fil-kariga biex jimmanipula l-investigazzjonijiet tal-pulizija

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħarġet mill-parlament llum fl-4.05 p.m u mhix se terġa’ tidħol sakemm il-Prim Ministru Joseph Muscat idum fil-kariga.

Il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni kienet espressa mill-Kap tal-PN Adrian Delia ftit wara li bdiet is-seduta tal-lejla.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Oppożizzjoni ħadet din il-pożizzjoni wara li lbieraħ l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li se jkun qed jirriżenja fil-ġimgħat li ġejjin iżda mhux se jirriżenja immedjatament.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Joseph Muscat ħa din il-pożizzjoni u ma jridx jirriżenja biex ikun jista’ jimmanipula l-investigazzjonijiet tal-pulizija u jibqa’ jiddefendi lill-ex Chief of Staff tiegħu Keith Schembri.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jsostni li Joseph Mucat baqa’ Prim Ministru biex jindaħal fl-investigazzjonijiet u jgħatti lil Keith Schembri

Dan mhux mnhux aċċettabbli, iddikjara l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li quddiem din il-pożizzjoni l-Oppożizzjoni se toħroġ mill-parlament sakemm Joseph Muscat jibqa’ fil-kariga.

F’dan il-mument deputati tal-Oppożizzjoni tefgħu fil-parlament ammont ta’ karti bħal flus li fuqhom hemm wiċċ il-Prim Ministru u wiċċ Keith Schembri.

Fl-4.35 pm, il-Gvern, permezz tal-Prim Ministru, jibda jiddiskuti fil-parlament il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia propju meta l-Oppożizzjoni ma kinitx fil-parlament. Il-Prim Ministru qal li dan id-dibattitu se jkun mifrux fuq llum u għada.

Mhux l-aħjar mod kif noħroġ minn prim ministru – Joseph Muscat

L-aħħar diskors ta’ Muscat bħala prim ministru fil-parlament

Meta beda jitkellem il-Prim Ministru qal li mingħajr l-FBI qatt ma kienu jitressqu t-tliet persuni akkużti bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Hu qal li l-fatti huma li l-karozzi bombi li saru fl-aħħar snin qatt ma kienu ssolvew. Joseph Muscat kompla li f’moħħ in-nies il-qtil paralell mal-qtil ta’ Caruana Galizia kienu dawk ta’ Karen Grech u Raymond Caruana. Dwar l-investigazzjonijiet, hu qal li l-gvrn ma setax jitkellem għaliex m’għandhomx jikkummentaw il-politiċi fuq l-investigazzjonijiet. Dawn huma ż-żrar irriferejt għalihom qabel, qal il-Prim Ministru, li kompla li din kienet l-ikbar investigazzjoni fl-istorja b’riżorsi bla preċedent.

F’dan il-mument instema’ għajjat fil-parlament bil-Prim Ministru jieqaf jitkellem u l-Ispeaker iwaqqaf is-seduta biex jara x’ikun ġara.

Il-passi kruċjali fl-investigazzjonijiet saru mal-Europol u mal-maġistrat inkwerenti fil-każ li kien informat bl-informazzjoni kollha. Hu qal li kien jingħata informazzjoni dettaljati dwar il-progress li kien qed isir. Fl-aħħar 25 xahar ma stajtx nagħti kummenti fil-media, sostna l-Prim Ministru, li kompla li l-investigazzjoni kellha diversi rikjesti.

Il_ħamis 14 ta’ Novembru fl-10 am membri tal-pulizja u s-Servizzi tas-Sigurtà u l-Europol arrestaw persuni fuq ħasil ta’ flus. Wieħed mill-persuni arrestati kien suspettat li kien sensar fil-qtil ta’ Caruana Galiza li offra li jixhed u offra recordings dwar min hu l-mandant jekk jingħata maħfra. Il-Prim Ministru qal li kien tkellem mal-Avukat Ġenerali kien jibdew negozjati mal-avukati ta’ din il-persuna, sostna l-Prim Ministru, li qal li hu m’għamel l-ebda negozjati. L-avukati tal-persuna xtaqu li s-sensar jingħata maħfra qabel dan jagħti l-informazzjoni iżda hu rrifjuta. Minflok hu ffirma ittra flimkien mal-AĠ u l-Kummissarju tal-Pulizija fejn tintrabat li jagħti parir għall-maħfra jekk l-evidenza tkun korraborata.

Il-Prim Ministru qal li komplew l-investigazzjonijiet fuq ir-recordings fejn il-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali tawh parir li tista’ tingħata maħfra għax hemm evidenza biżżejjed. Fuq dan il-fatt ingħatat il-maħfra biex issa l-persuna trid tixhed dwar il-qtil u tliet każi oħra importanti. Ħassejt li nerfa’ din il-materja waħdi, sostna l-Prim Ministru, li kompla li hu kien konxju li l-maħfriet li ingħataw fil-passat ma kienux suċċess.

Joseph Muscat semma’ l-arrest ta’ Yorgen Fenech li nqabad se jaħrab mill-pajjiż b’jott. Hu qal li kien informat li Fenech kien qed jitlob maħfra u għalhekk hu talab il-pariri neċessarji. Ir-rakkomandazzjoni kienet li din il-maħfra ma tingħatax iżda Fenech għamel talba oħra. Il-Prim Ministru reġa talab il-pariri wara li l-pulizija jisimgħu lill-akkużat wara li Fenech għamel allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Keith Schembri. Ma ridtx nieħu din id-deċiżjoni jien, sostna l-Prim Ministru.

Fit-28 ta’ Novembru 2019 l-Prim Ministru talab lill-Kabinet biex jieħu d-deċiżjon dwar din il-maħfra. Il-Kabinet ma qabilx li tingħata din il-maħfra. Hu qal li kien riċieva messaġġ li jekk ma tingħatax il-maħfra, l-arrestat kien se jimplika li kellu żewġ telefonati miegħu ftit xhur miegħu. Dawn qatt ma saru, sostna l-Prim Ministru, li qal li l-proċess għadu mhux konkluż.

Hu qal li l-gvern ma ħarabx mill-passi u mhux jippreġudika l-investigazzjonijiet. Il-Prim Ministru qal li kien ħatar inkjesta pubblika u sostna li hu żamm kelmtu meta qal li kien se jagħmel minn kollox biex jissolva dan il-każ. urejna li l-istituzzjonijiet jaħdmu u li kulħadd hu indaqs quddiem il-liġi sostna l-Prim Ministru, li kompla li l-punt kruċjali hu li hemm persuna akkużata li hi mandant. Mhux xogħol il-politiku li jiġġudika jekk l-akkużat hux ħati, qal il-Prim Ministru, li sostna li dan kien punt importanti għad-demokrazija. Din kienet prova tan-nar għall-istituzzjonijiet u jrid proċess ta’ għaqda u mhux ta’ firda.

Il-Prim Ministru qal li trid tintrefa’ wkoll ir-responsabbiltà kemm għal dak li jsir kif ukoll għal dak li jmissu sar. Dan il-kejl għandu nużah fuqi nnifsi u għalhekk ħadt id-deċiżjoni li nirriżenja.

Ridt li nagħlaq dan il-każ għalkemm l-investigaturi jistgħu jistabilixxu li hemm 1,000 persuna oħra involuti, sostna Joseph Muscat, li kompla li ftit kienu jemmnu li seta’ jsir hekk. Joseph Muscat qal li dmiri kien li mmexxi f’dan il-perjodu iebes iżda issa hu ż-żmien li nimxi ‘il quddiem. Hu semma’ l-kuntest popolari u qal li għadu bħala Prim Ministru jgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-poplu.

Kuntest ieħor hu li ngawdi l-fiduċja inkundizzjonata tal-membri kollha tal-Gupp Parlamentari Laburista, sostna l-Prim Ministru, li qal li d-deputati ma ġabux ruħhom ta’ mogħoż iżda ddiskutew fit-tul.

Ma nafx hux se nerġa’ ntikellem bħala deputat għax irrid nikkunsidra dan għalkemm aktarx li qed nitkellem l-aħħar darba bħala Prim Ministru għaliex nara li meta jiltaqa’ l-parlament f’Jannar ikollna Prim Ministru ġdid, sostna l-Prim Ministru, li appella lill-Prim Ministru l-ġdid biex iżomm l-għaqda fil-gvern.

Hu qal li l-Gvern Laburista se jkompli l-mandat għal sentejn u nofs oħra taħt gwida li se tkun kapaċi. Ikun min ikun mexxej…illum ħassejtni ħafna iktar at ease….nawgura lil min se jikkontesta għal mexxej Laburista…nassigura lil min jirbaħ li se ntih il-lealtà inkundizzjonabbli bħala deputat, sostna l-Prim Ministru, li assigura li hu se jibqa’ jivvota lill-PL. Joseph Muscat reġa’ semma ‘ moviment li qal li hu ħoloq u spjega kif kien jaħdem fil-PL. Lest li nerġa’ mmur nagħmel filing tal-gazzetti, kif bdejt ma’ Evarist Bratolo, sostna l-Prim Ministru.

Joseph Muscat kkonferma li kien kiteb lill-President biex sat-12 ta’ Jannar 2020 jibda l-proċess biex jinħatar Mexxej Laburista u fil-jiem ta’ wara Prim Ministur ġdid. Xogħli hu li jkun hemm stabbiltà f’dan il-perjodu u l-gvern se jieħu biss deċiżjonijiet amministrattivi biex id-deċiżjonijiet il-kbar joħodhom il-Prim Ministru ġdid.

Hu qal li jemmen li l-ebda politiku m’għandu jdum prim ministru għal iktar minn żewġ termini. Dispjaċir ieħor li għandi hu li ma rajtx il-bidliet kostituzzjonali fil-pajjiż, qal il-Prim Ministru, li kompla li dawn m’għandhomx ikunu kosmetiċi.

Joseph Muscat kompla li hu kien ippjana li jitlaq f’din ileġiżlautra u kellu dati differenti li diġà għaddew fosthom fis-sajf li għadda, jew wara l-budget 2019, jew sal-aħħar tas-sena, jew sal-ewwel kwart tal-2020. Is-sitwazzjoni li se noħroġ mhix l-aktar waħda feliċi; xtaqt ħriġt mod ieħor iżda hekk kien hemm bżonn.

Il-Prim Ministru rringrazzja lill-Ispeaker u qal li dejjem ra irġulija mingħandu, lill-ħaddiema tal-Kamra u lid-deputati fil-kumitati tal-parlament. Kienet avventura li ma jiddispjaċinix għaliha u nħoss li kienet avventura sabieħa; ħassejtni kburi li rrappreżentajt lill-poplu, sostna l-Prim Ministru, li kompla li lil hinn mill-qasma politika jemmen li kull prim ministru għamel l-aħħar li seta’ għall-ġid tal-pajjiż.

F’dan il-mument il-parlament kien aġġornat.