Futbol Sport

Pochettino lest li jirritorna fit-tmexxija ta’ tim

(Ritratt: EPA)

Mauricio Pochettino jinsab lest li jirritorna bħala kowċ ta’ tim, ġimagħtejn wara li tkeċċa minn manager ta’ Tottenham. Il-kowċ ta’ 47 sena ħa pawża ta’ għaxart ijiem fl-Arġentina iżda qal li diġà sarulu offerti attraenti.

Pochettino qed jissemma li jista’ jibqa’ fl-Ingilterra hekk kif Arsenal keċċew lil Unai Emery fl-aħħar jiem filwaqt li qed tkompli tikber is-sħaba fuq il-manager attwali ta’ Manchester United Ole Gunnar Solskjaer, bl-istess Pochettino kien qed jissemma qabel inħatar Solskjaer madwar sena ilu.

Waqt żjara fl-eks klabb tiegħu Newell’s Old Boys, Pochettino qal li l-aktar ħaġa importanti għalih bħalissa hi li jistrieħ wara ħames snin u nofs ma’ Tottenham. Hu kompla li l-għan hu li jfittex li jerġa’ jibni lilu nnifsu u jikseb lura motivazzjoni personali.

“Hi l-intenzjoni tiegħi li nirritorna fl-Ewropa. Hi diffiċli għaliha li nimmaġina proġett fl-Arġentina, iżda għal ġid tal-familja tiegħi, ma nirrifjutax li naħdem hawn. Iżda issa rrid inkun kalm għal ftit jiem u nara x’jiġri. Ma tantx kelli ħin biex nirrifletti x’ġarali.” Pochettino kompla li fl-età tiegħu ma jridx ħafna żmien biex jirkupra u saħaq li jinsab miftuħ għal offerti li jista’ jkollu.

Fiż-żmien li għamel manager ta’ Tottenham, Pochettino għen lit-tim mil-Londra biex jikseb post regolari fil-UEFA Champions League għal erba’ staġuni konsekuttivi filwaqt li waslu sal-finali tal-League Cup u fl-istaġun li għadda sal-finali tal-UEFA Champions League.