Internazzjonali

Polonja: Jirtiraw tiżjin tal-Milied bit-tema ta’ Auschwitz

Il-kumpanija Amazon li tiffaċilità x-xiri minn fuq l-Internet irtirat varjetà ta’ ‘tiżjin tal-Milied’ li jinkludu dehriet minn kumpless infami li n-Nażisti kienu jużaw għall-esterminazzjoni ta’ priġunieri – fil-parti kbira tagħhom Lhud – matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-pass ittieħed minnufih wara li numru kbir ta’ abbonaturi ġibdu l-attenzjoni ta’ min qed jieħu ħsieb l-Amazon dwar il-‘kontenut’ li l-bejjiegħa tal-oġġetti inkwistjoni kienu qed jiċċirkulaw fuq il-websajt tal-kumpanija.

L-inizjattiva kienet xprunata b’messaġġ fuq Twitter min-nies li qegħdin imexxu l-Auschwitz Memorial fil-Polonja u li fih talbu biex l-Amazon ineħħi ‘dan il-materjal disturbanti u disrispettuż’.

Il-materjal offensiv kien jinkludi tiżjin tal-Milied u sensiela ta’ oġġetti li juru ritratti tal-kampijiet tal-mewt fil-kumpless ta’ Auschwitz, fiż-żmien meta l-Polonja kienet okkupata mill-qawwiet Nażisti ta’ Adolf Hitler.  F’dawn il-kampijiet kienu nqerdu l-għexieren tal-eluf tal-Lhud matul is-snin konsekuttivi tal-gwerra.

Ir-ritratti, fost oħrajn, kienu qed juru l-linja tal-ferrovija li kienet twassal il-priġunieri lejn il-kampijiet tal-mewt ta’ Auschwitz. Ritratti oħra nkorporati fit-tiżjin tal-Milied urew ukoll il-‘ħitan’ tal-barbed wire u l-bini tal-kumpless fejn kienu jinżammu l-vittmi – fil-parti kbira Lhud.

In-nies wara l-memorial u l-mużew ta’ Auschwitz, fl-aħħar sigħat, bagħtu messaġġ ieħor biex jgħidu li l-oġġetti inkwistjoni ‘issa tneħħew’ u fejn huma rringrazzjaw lill-abbonaturi tal-midja soċjali ‘għall-attività u r-reazzjoni tagħhom’ li wasslet għall-irtirar tat-tiżjin ‘oġġezzjonabbli’.

Min-naħa tagħhom, il-kelliema għall-kumpanija Amazon ukoll qalu li kienu neħħew ‘il-prodotti partikulari’ filwaqt li wissew li l-bejjiegħa kollha li jużaw is-servizzi tal-kumpanija jridu jimxu mal-kriterji stabbiliti inkella jispiċċaw suġġetti għal azzjoni li tinkludi t-tneħħija potenzjali tal-accounts tagħhom.