Lokali Qorti

Protest biex tkun revokata l-maħfra Presidenzjali għaliex “l-informazzjoni li ta ma kienet ġdida xejn”

Fi protest li sar fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili l-aħwa Alfred u George Degiorgio, li jinsabu akkużati bil-qtill tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, huma qegħdin jikkontendu li Melvin Theuma qatt ma messu ngħata l-proklama u dan għax l-informazzjoni li huwa ta dwar id-delitt ma kienet ġdida xejn.

Vince u Alfred Degiorgio li flimkien ma’ Vincent Muscat qegħdin jiġu akkużati li qiegħdu u attivaw il-bomba li qatlet lill-ġurnalista qalu li l-maħfra Presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma, l-intermedjarju fil-każ qatt ma messha ngħatat.

Fil-protest, li tressaq mill-Avukat tagħhom William Cuschieri, huma tennew li minkejja li l-Avukat Ġenerali kien qal lill-Qorti li kien impossibbli li Theuma jixhed fil-kumpilazzjoni tal-provi, għax il-fatti ġraw erba’ xhur qabel ħarġet l-att ta’ akkuża, il-verità hi li kienu ilhom jafu b’tali nformazzjoni.

L-Avukat Cuschieri fil-protest semma wkoll rapporti li ħarġu fuq il-midja li kienu qalu li Vince Muscat kiwen semma lill-midja f’April tal-2018. Qa li din l-istorja kienet żvelata wkoll mill-aġenzija nfluwenti nternazzjonali Reuters, fejn anke tkellmet mart Muscat.

Din kienet qalet li kellu jkun Muscat li jingħata l-maħfra Presidenzjali għax, skont hi, kien hu li għadda l-informazzjoni lill-Pulizija biex ikun solvut il-każ.

Muscat, bħal ma’ għamel Yorgen Fenech kien talab il-maħfra Presidenzjali iżda din kienet baqgħet qatt ma ngħatatlu, kif ukoll ma ngħatatx lil Fenech.
L-aħwa Degiorgio qegħdin jgħidu li l-informazzjoni li għadda Theuma ma kienet ġdida xejn, anke għax Yorgen Fenech kien diġà suspettat li kien il-mandant tal-qtil u kien taħt sorveljanza mis-Servizzi Sigrieti.

Il-protest isemmi wkoll ir-ritratt ippubblikat mill-media ta’ Melvin Theuma ma’ Keith Schembru, jikxef l-fatt li l-proklama ma kinitx ibbażata totalment fuq il-verità u li kien hemm kunflitt ta’ interess serju. Għal dawn ir-raġunijiet l-aħwa Degiorgio qegħdin jisħqu li l-maħfra Presidenzjali għandħa tkun revokata.