Lokali

Protest mill-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia biex jiġu investigati l-azzjonijiet tal-Prim Ministru

Il-familja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia quddiem il-monument tal-Vittorja fil-Belt Valletta.

Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia ppreżentat protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn qed titlob li l-azzjonijiet tal-Prim Ministru Joseph Muscat jiġu nvestigati.

Ir-raġel tal-vittma, Peter, kif ukoll uliedha Matthew, Andrew u Paul ressqu protest ġudizzjarju li jgħid ukoll lil l-Prim Ministru għandu jirtira mill-investigazzjoni kriminali tal-qtil ta’ ommhom kif ukoll mill-inkjesta ndipendenti separata li tinsab għaddejja.

Il-familja qalet li l-id il-leminija tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri kien identifikat bħala wieħed mis-suspetttati wara dan l-assasinju meta Muscat ta aċċess lil Keith Schembri għall-investigazzjoni.

Qalu li skont rapporti fil-media, Schembri kien qed jissemma’ wkoll li seta’ kellu x’jaqsam fl-involviment ta’ kif inħema dan il-qtil kif ukoll li hemm il-possibilità li dwar dan għaddew xi noti lil Yorgen Fenech, li huwa s-suspettat prinċipali li wettaq dan ir-reat.

Ġie rrappurtat ukoll li Schembri kien preżenti waqt laqgħat li saru minn uffiċjali tas-Servizzi Sigriet u li dan seta’ għalhekk seta’ kellu aċċess għall-informazzjoni sensittiva dwar l-investigazzjoni ta’ dan il-qtil. Ingħad ukoll li l-Pulizija nvestigaw lill-Ministru Chris Cardona.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-involviment tal-Prim Ministru fl-investigazzjoni qed titfa’dell ikraħ fuq ix-xogħol li għamlu l-Pulizija u hija wkoll ksur tad-drittijiet fundamentali tal-familja Caruana Galizia.

Sakemm il-Prim Ministru kompla jinvolvi ruħu ‘mill-anqas sa Jannar tal-2020’, il-familja qed titlob lill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala waħda kostituzzjonali, biex l-azzjonijiet tal-Prim Ministru jiġu nvestigati.


Il-familja qed titlob ukoll li minbarra li ssir investigazzjoni fuq l-azzjonijiet tal-Prim Ministru, tali provi u evidenza għandhom jiġu preżervati fejn qalu wkoll li qegħdin iżommu lill-Prim Ministru Muscat responsabbli għall-aġir tiegħu.

Il-protest ġie ffirmat mill-Avukati Therese Comodini Cachia, Eve Borg Costanzi, Jason Azzopardi, u l-istess raġel tal-vittma, Peter Caruana Galizia.