Internazzjonali

Renju Unit: Magħqudin fil-luttu għall-vittmi tat-terrur

Folol ta’ Britanniċi, fosthom l-ogħla mexxejja politiċi, ingħaqdu f’attivitajiet biex jesprimu niket fuq bażi nazzjonali għall-aħħar persuni li tilfu ħajjithom b’kaġun ta’ azzjoni terroristika fir-Renju Unit.

Jack Merritt, li kellu 25 sena u Saskia Jones, tfajla ta’ 23 sena, nhar il-Ġimgħa spiċċaw maqtula b’daqqiet ta’ sikkina minn Usman Khan, terrorista kkundannat, fl-inħawi ta’ London Bridge. Meta sfaw attakkati, il-vittmi – it-tnejn gradwati mill-Università ta’ Cambridge – kienu qed jattendu avveniment għal programm tal-università li jikkonċentra fuq ir-rijabilitazzjoni tal-priġunieri.

Il-qattiel, li nħeles mill-ħabs fl-aħħar tal-2018 wara li kien skonta biss nofs is-sentenza, spiċċa maqtul minn tiri li sparawlu l-pulizija li wieġbu minnufih għall-emerġenza.

Intant, kienu organizzati velja għal Merritt u Jones f’Londra u Cambridge, bis-servizz fil-kapitali jsir fil-Guildhall Yard tas-City of London. Il-familja ta’ Jack Merritt, fl-istess żmien, attendiet għal servizz ta’ tifkira f’Cambridge li kien segwit b’minuta ta’ silenzju.

Kienet anki osservata minuta silenzju waqt il-vejla f’Londra li attendew għaliha l-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson u l-Kap Laburista ( fl-Oppożizzjoni) Jeremy Corbyn. Hawnhekk għamel diskors imqanqal is-Sindku ta’ Londra, Sadiq Khan, li qal li l-poplu fil-kapitali ‘qatt mhu se jispiċċa kundizzjonat jew intimidat mit-terroriżmu’.

Intant, London Bridge – li kien magħluq għall-aħħar jiem biex jippermetti għall-ħidma forensika fiz-zona – infetaħ mill-ġdid għat-traffiku, iżda għad fadal preżenza kbira tal-pulizija fl-inħawi.