Lokali Qorti

Somalu mixli bi qtil ta’ raġel mill-Eritrea fil-Marsa

Somalu ta’ 23 sena ġie mixli quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli bl-omiċidju ta’ ġuvni Eritrean, li nstab mejjet fil-Marsa b’daqqiet ta’ mqass f’għonqu.

Kinaan Abdinasir ġie mixli li nhar il-Ġimgħa, 29 ta’ Novembru bejn it-8.00pm u l-11.30pm bil-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta’ Bakri Bashir f’periklu ċar, ikkaġunalu l-mewt.

Huwa ġie mixli wkoll li kellu arma fil-pusses tiegħu u li ġarra mingħajr ma kellu liċenzja jew permess tal-Kummissarju tal-Pulizija. Abdinasir wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u nżamm arrestat.

L-Avukat tal-Għajnuna Legali Noel Bartolo deher għall-akkużat filwaqt li l-Ispetturi James Grech u Wayne Camilleri mexxew il-Prosekuzzjoni.