Lokali

Tliet persuni l-isptar wara ħabta bejn żewġ karozzi

Tliet persuni kellhom jittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku. L-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tal-ħdax u kwart fi Triq Għajn Tuffieħa, f’San Pawl il-Baħar.

Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħ impatt bejn vettura ta’ tip Peugeot 308 misjuqa minn mara ta’ 27 sena residenti l-Pieta’ u vettura tat-tip Scania East misjuqa minn raġel ta’ 33 sena residenti l-Ħamrun. Fil-Peugeot kien hemm ukoll mara ta’ 62 sena residenti l-Mellieħa u raġel ta’ 70 sena residenti l-Mellieħa wkoll.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu u kif ukoll ambulanza li ħadet lill-persuni li kienu fil-Peugeot l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Aktar tard ġie ċertifikat li r-raġel ta’ 70 sena qed isofri minn ġrieħi serji, li l-mara ta’ 27 sena qed issofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-mara ta’ 62 sena qed issofri minn ġrieħi ta’ natura ħafifa.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli li ħatret Inkjesta Maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.