Lokali

Vincent Muscat jikteb lill-President biex jingħata l-maħfra; jgħid li ma ħadhiex minħabba Keith Schembri

Vincent Muscat, wieħed mill-akkużati fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kiteb lill-President ta’ Malta George Vella fejn talbu biex jingħata l-proklama biex b’hekk ikun jista’ ‘jagħti l-informazzjoni kollha li jaf dwar il-każ fejn qal li għandu fatti biex jissostanzja dan kollu’.

Huwa qal ukoll li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri kien il-fattur ewlieni li huwa ma ngħatax din il-proklama meta diġa kien talabha. Muscat, li bħalissa jinsab detenut il-ħabs, kiteb lill-President tar-Repubblika, permezz tal-Avukat tiegħu Marc Sant, biex huwa jeżerċità dak li huwa magħruf fiċ-ċirku legali ‘bħala ‘l-preogattiva għall-maħfra’ dejjem suġġett li Muscat jipprovdi l-informazzjoni kollha fuq il-fatti li jaf.

L-ittra tkompli tgħid: “Vincent Muscat jixtieq ukoll jesprimi l-inkwiet tiegħu. Lura f’April tal-2018 Vincent Muscat iltaqa’ u tkellem mal-uffiċjal investigattiv fil-każ, l-Ispettur Keith Arnaud. Dn jista’ jiġi konfermat mill-Ispettur innifsu.

“Wara dan l-inkontru numru ta’ laqgħat oħra saru mal-Ispettur Arnaud fejn Vincent Muscat ipprovda l-informazzjoni li spiċċat kienet waħda kruċjali sabiex isir progress sostanzjali fil-każ u biex dan jissolva.

“Eżempju ċar, huwa li grazzi għall-informazzjoni pprovduta minn Vincent Muscat l-investigazzjonijiet komplew jissaħħu u jingħalqu, u fil-fatt dawn komplew u sussegwentement ġie arrestat ċertu Melvin Theuma. Dan l-arrest seħħ f’Novembru ta’ din is-sena.

“Fl-aħħar jiem, Eċċellenza int aċċettajt ir-rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru biex tagħti maħfra lil MelvinTheuma. L-ironija hi li din hija l-istess persuna li l-istess Vincent Muscat semma’ mal-investigaturi u li issa dan se jkun qed jixhed f’isem il-Prosekuzzjoni biex jagħti x-xhieda kontra l-istess Vincent Muscat stess.”

Vincent Muscat isostni li l-informazzjoni li huwa pprovda lill-Ispettur maintains that the information Arnaud kien fil-fatt il-fattur, li wassal għall-arrest ta’ Melvin Theuma. Aktar minn hekk, Melvin Theuma ma kienx wieħed mix-xhieda li ġabet il-Prosekuzzjoni waqt il-kumpilazzjoni li ħadet iż-żmien fil-Qorti tal-Maġistrati.

Il-Prosekuzzjoni talbet biss li Melvin Theuma jixhed quddiem il-Qorti tal- Maġistrati fis-26 ta’ Novembru 2019 – dan huwa kważi erba’ xhur wara li l-Avukat Ġenerali kien ħareġ l-att tal-akkuża kontra Vincent Muscat u ż-żewġ akkużati l-oħra u meta t-talbiet preliminari quddiem il-Qorti Kriminali kienu mressqa u s-sottomissjonijiet orali kienu waslu biex jintemmu.

Ritratt: MaltaToday

Vincent Muscat, permezz tal-avukat preċedenti tiegħu, qal li kien diġa beda jikkopera mal-Ispettur Arnaud u jaħdem sabiex jingħata l-maħfra, kompliet tgħid l-ittra lill-President.

Huwa qal fl-ittra li kien Keith Schembri li ċaħdu milli jingħata l-proklama: “…invista tal-fatt ta’ dak kollu li ħareġ fl-aħħar jiem, Vincent Muscat huwa kkonċernat ħafna li l-ewwel talba li għamel għall-maħfra ma saritx kif suppost u b’mod korrett u ġust.

Dan minħabba li persuna jew persuni li għandhom interess dirett biex jieħdu fi triq oħra jew idewwmu l-proċess ta’ dawn l-investigazzjonijiet meta kienu qegħdin jingħataw informazzjoni dwar l-investigazzjoni u sa anke iddeċidew fuq il-maħfra għal Vincent Muscat.”

Din il-possibilita tammonta biex tiġi esposta lakuna fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, qal l-Avukat Marc Sant, li qed jirrappreżenta lil Muscat f’dawn il-proċeduri.

“Huwa ta’ mportanza kbira li persuna li titlob għall-maħfra Presidenzjali għandu jkollu ċ-ċertezza u s-serenità tal-moħħ li t-talba tiegħu qed tiġi kkunsidrata u eżaminata minn persuna jew persuni li m’għandhom l-ebda nteress dirett jew indirett dwar jekk l-istess maħfra għandhiex tingħata jew le u bil-kundizzjonijiet magħha għal din il-maħfra.”

L-ittra ssemmi wkoll dak li kien qal l-eks Imħallef Giovanni Bonello: “Jekk l-immunità mill-prosekuzzjoni tkun qed tiġi rakkommandata minn xi ħadd viċin persuna suspettata jew mixlija li hija tista’ tkun kriminallment responsabbli, l-affarijiet ma jibdewx jagħmlu sens. Il-Kostituzzjoni qatt ma emfasiżżat din il-possibilità”.

“Minkejja li Vincent Muscat mhux qed jimplika li kien hemm xi pressjoni mhux xierqa jew xi ndħil fuq il-Prim Ministru fuq deċiżjoni jekk jagħtix il-maħfra, li fil-fatt ingħata – huwa nsista li sitwazzjoni bħal din mhijex ideali u kif suppost. Mhux biss il-ġustizzja trid issir, imma trid tidher li qed issir.

L-ittra tgħid ukoll li l-Prim Ministru qal pubblikament li d-deċiżjoni biex issir rakkomandazzjoni biex il-maħfra tingħata lil Melvin Theuma ittieħdet minnu stess minħabba li l-awtorità tiegħu kienet delegati lilu mill-kabinett.

Il-biża ta’ Vincent Muscat kienet imsaħħa mill-fatt li fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis 28 u l-Ġimgħa, 29 ta’ Novembru 2019, il-kabinett kollu kien iltaqa’ biex jiddiskuti t-talba għall-maħfra Presidenzjali magħmula minn persuna ta’ interess, li huwa Yorgen Fenech.

“Il-mod kontrastanti kif saru l-affarijiet u dwar kif saru l-affarijiet vis-à-vis it-talbiet li saru minn Melvin Theuma u Yorgen Fenech ma jipprovdux serħan tal-moħħ biex Vincent Muscat ikollu s-serenità, s-serħan tal-moħħ u li jafda fil-modus operandi addottata.”

“Dan kollu manifestament imur kontra il-prinċipji fundamentali kontra l-prinċipji ta’ ġustizzja naturali magħrufa f’termini legali ta– ‘nemo judex in causa sua’, li tfisser li ħadd ma jista’ jkun l-Imħallef fil-każ – u għalhekk tikser id-drittijiet fundamentali ta’ Vincent Muscat.

Vincent Muscat qed jitlob li t-talba tiegħu għall prerogattiva għall-maħfra din id-darba tiġi kkunsidrata “mingħajr kull intervent possibbli jew influwenza minn persuna jew persuni li jistgħu jkollhom interess dirett jew fid-deċiżjoni dwar jekk it-talba tiegħu għandhiex tiġi aċċettata jew le.”

Huwa essenzjali u d-dritt ta’ Vincent Muscat li t-talba tiegħu tiġi evalwata b’mod oġġettiv u imparzjali u fl-istess ħin “mingħajr il-possibilità li jkun hemm xi tip ta’ kunsiderazzjonijiet politiċi jew personali fil-każ,” huwa finalment qal.