Lokali

“Aħna fid-dmir li ngħinuhom jilħqu l-għan tagħhom” – Maria Deguara waqt konferenza tas-CRPD

Persuni b’diżabilita’għandhom dritt sa fejn hu possibli jgħażlu x’jagħmlu b’ħajjiethom speċjalment meta tqum il-problema jekk persuna għandhiex tkun rikoverata ġewwa dar privata jew residenza tal-gvern.

Sostniet dan il-kelliema tal-Oppożiżżjoni għall-anzjani u l-persuni b’diżabilita’, Maria Deguara, waqt konferenza li trattat il-liberta’ u d-drittijiet għal persuni b’diżabilita’ li kienet organizzata mill-Kummissjoni għall-persuni b’dizabilita’.

Fid-diskors tagħha Maria Deguara li meta kulħadd jaqbel li persuni b’diżabilita’ għandhom jingħataw kull għajnuna biex jibqgħu jgħixu b’mod indipendenti fil-komunitajiet li trabbew fihom, ma jagħmilx sens li kif qed jiġri fil-preżent nibqgħu ninvestu fil-bini ta’ djar residenzjali jew istituzzjonijiet meta dawn il-flus jistgħu jiġu nvestiti fis-servizzi aħjar fil-komunitajiet.

In-numru ta’ ħaddiema barranin fil-preżent qed jaħdem fir-residenzi tal-privat u tal-gvern juri li għadna ferm il-bogħod milli nilħqu l-għanijiet tagħna. Għalhekk Maria Deguara ssuġeriet li l-Gvern għandu l-obligu li meta l-ekonomija tal-pajjiż sejra daqshekk tajjeb niftakru f’dawk il-membri tas-soċjeta’ li l-aktar għandhom bżonn l-għajnuna tagħna.