Lokali

Protesta quddiem il-Kwartieri tal-Pulizija b’talba għall-ġustizzja.

L-aħħar ġranet f’pajjiżna kienu mmarkati minn protesti organizzati mis-soċjetà ċivili. Protesti li ġabru eluf ta’ persuni għaldarboħra b’għajta waħda għall-ġustizzja.

It-Tlieta filgħaxija, il-folla inġabret quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana fejn l-għajta prinċipali kienet is-sejħa sabiex il-Kummissarju tal-Pulizija Laurence Cutajar jagħmel xogħlu u jarresta lil Keith Schembri, kif ukoll sabiex jinterroga lill-Prim Ministru ta’ pajjiżna Joseph Muscat.

L-aħħar żvilupp tul il-jum tat-tlieta kienet il-pubblikazzjoni tal-ittra tal-middleman fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Ittra li semmi b’mod ċar u dirett lill-imprenditur Yorgen Fenech imma anke lil Keith Schembri tal-Kasco, l-eks Chief of Staff u id il-leminijta ta’ Joseph Muscat bħala l-mandanti għal dan l-assassinju.

Strixxun b’kopja kbira ta’ din l-ittra iddendlet mal-grada tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, bi strixxun kbir ieħor tqiegħed mal-art, strixxun b’fuqu l-kliem Kummissarju aħgmel xogħlok. Arresta lil Keith Schembri.

Tul il-protesta saru diversi diskorsi minn membri tas-soċjetà ċivili u fl-aħħar inqrat ukoll l-ittra tal-middleman Melvin Theuma.

Ftit sigħat qabel ma saret din il-protesta, delegazzjoni mill-Parlament Ewropew żaru il-Kumissarju Laurence Cutajar. Żjara li saret bħala parti minn numru ta’ laqgħat li din id-delegazzjoni talbet fid-dawl tal-aħħar żviluppi inkwetanti f’pajjiżna.

Wara din il-laqgħa id-delegazzjoni qalet li l-Pulizija qed tagħmel xogħlha imma li l-fatt li Kieth Schembri reġa’ ġie rilaxxat wara l-interrogazzjoni, hija xi ħaġa tat-tħassib.

Cutajar huwa l-ħames Kummissarju tal-Pulizija fis-6 snin ta’ Gvern immexxi minn Joseph Muscat, u tul l-aħħar xhur spikka l-aktar bin-nuqqas u s-skiet totali tiegħu dwar dan il-każ, b’Muscat jagħti d-dettalji dwar l-investigazzjoni minfloku.