Lokali

Ministri ma jiċħdux li għandhom l-appoġġ ta’ Keith Schembri għal-Leadership

Ġimgħa wara r-riżenja tiegħu, l-ispirtu tal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri jidher li għadu b’saħħtu fost il-membri tal-Gvern Laburista. Fil-fatt, żewġ Ministri ta’ Muscat ħarbu għal mistoqsija wara l-oħra ta’ NET News dwar dak li sat-Tlieta li għadda kien l-id il-leminija f’Kastilja.

Il-Ministru Ian Borg – li qal li għadu mhux konvint jekk joħroġx għall-ġlieda biex jieħu post Muscat – ma ċaħadx l-għajdut li għaddejjin bħalissa, li Keith Schembri qed jappoġġja mill-qrib il-kandidatura tiegħu.

Minn naħa l-oħra, il-Ministru Edward Zammit Lewis ukoll ipprova jgħatti xtur Keith Schembri meta beda jbenġel id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru, li qal lid- delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġie tradut b’dak li ġara.

Iż-żewġ Ministri lanqas ma kkummentaw dwar l-ittra li kiteb il-middleman fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia – Melvin Theuma – li wkoll żeffen lill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru.

Fil-fatt, fl-ittra, Melvin Theuma allega li Keith Schembri u Yorgen Fenech kienu qed jaħdmu biex jeħilsu minnu wkoll. Iżda dwar dan kollu, Ian Borg u Edward Zammit Lewis ħarbu milli jikkummentaw.

Sadanittant, il-Ministru Zammit Lewis wera li ma jafx sew l-istorja jew irid iqarraq. Dan hekk kif ipprova jimplika li l-qtil tat-tfajla Karin Grech seħħ fi żmien Gvern Nazzjonalista.

Iżda fil-verità, dan il-qtil seħħ fit-28 ta’ Diċembru 1977 – fl-eqqel ta’ Gvern Laburista mmexxi minn Dom Mintoff u 10 snin qabel ma kien elett l-ewwel Gvern Nazzjonalista ta’ Eddie Fenech Adami.Quddiem dan kollu, ħareġ evidenti li l-Ministru Ian Borg qed iħossu obbligat li ma jikkummentax kontra l-eks Chief of Staff ta’ Muscat … forsi bit-tama li jkompli jgħinu biex jilħaq il-Mexxej il-ġdid tal-Labour?