Lokali

“Ġejt injorat u ara x’ġara” – Alfred Sant

Ġejt injorat meta tajt parir li darras lil ħafna u ara x’ġara.

Hekk kiteb l-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Alfred Sant, il-predeċessur ta’ Joseph Muscat u l-bniedem li tant imbotta biex Muscat jibda jmexxi lill-Partit Laburista fl-2008.

Hu kiteb dan fid-dawl tal-aħħar żviluppi fil-pajjiż wara li skont Sant, l-iskandlu tħalla jtektek u ħa n-nar wara li tliet snin ilu nqalgħu l-istejjer dwar il-kumpaniji sigrieti fil-Panama. Fakkar kif dakinhar, kif ta l-parir li darras lil ħafna, tant li ġie injorat.

Alfred Sant, li kien għal xi snin bħala l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew sakemm Muscat imbotta lil Miriam Dalli f’Mejju li għadda, qal li pajjiżna għadu qed jara kif jistejqer mit-telenovela politika u kriminali li ħakmitna fl-aħħar jiem.

L-eks Mexxej Laburista kompla li meta l-iskandlu jikber sew, iċ-ċansijiet huma li ma tqumx vampa nar u daqshekk, iżda jibqgħu jiskattaw episodji ġodda li jkomplu jgħarrqu s-sitwazzjoni. M’hemm xejn aktar perikoluż minn hekk, tenna.

Sant qal li hu kruċjali li dak li jservi biex iqanqal taħwid u dnubiet jinqala’ ‘l barra malajr kemm jista’ jkun. Fis-16-il sena li dam Mexxej Laburista – bejn l-1992 u l-2008 – hu jibqa’ mfakkar għall-mod kif naddaf lill-Partit Laburista mill-elementi estremi u f’xi drabi vjolenti li kien maħkum minnhom fis-snin ta’ qabel.

Tliet snin ilu, meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers – żvelat mill-Ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia – Sant kien qal li fl-interess nazzjonali, id-deċiżjoni onorabbli kellha tkun li Konrad Mizzi jirriżenja malajr kemm jista’ jkun.