Lokali

Ġurnalisti internazzjonali jikkundannaw lill-Gvern Malti

Tmien organizzazzjonijiet internazzjonali tal-media, ikkundannaw l-azzjonijiet li ttieħdu mill-awtoritajiet Maltin biex jirrestrinġu x-xogħol tal-istampa u l-iskrutinju pubbliku tal-investigazzjoni li għaddejja dwar l-assassinju tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia.

L-organizzazzjonijiet appellaw lill-awtoritajiet Maltin biex jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom biex jiżguraw li l-ġurnalisti kollha jkunu protetti fit-twettiq ta’ dmirijiethom u jkollhom aċċess għal membri fil-politika u informazzjoni fl-interess pubbliku.

Huma sostnew li l-media u ċ-ċittadinanza attiva hija aktar meħtieġa minn qatt qabel f’Malta billi l-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne jimplika direttament politiċi u negozjanti qrib il-Gvern.

Filwaqt li jinsabu ferm imħassba, huma ma naqsux milli jsemmu’ numru ta’ theddid u atti ta’ intimidazzjoni mill-awtoritajiet Maltin, inklużi membri tas-servizzi tas-sigurtà, fil-konfront ta’ġurnlasiti u membri oħra tal-istampa li qed iddgħajjef b’mod sinifikanti s-sigurtà u l-kapaċità tagħhom li jaqdu dmirijiethom.

Dawn l-organizzazzjonijiet, matul l-aħħar jiem, innutawbi tħassib, rapporti dwar l-attentat ta’ konfiska ta’ mobile ta’ membri tal-media minn uffiċjali tas-sigurtà , u d-detenzjoni ta’ grupp ta’ ġurnalisti f’kamra fil-Berġa ta’ Kastilja minn individwi mhux identifikati.

Huma mħassba wkoll dwar in-nuqqas tal-awtoritajiet li jinfurmaw sew lill-pubbliku dwar id-diskussjonijiet tal-Kabinett jew dwar il-ħelsien mill-arrest ta’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru – li tħabbar mill-pulizija permezz ta’ post ta’ Facebook b’kundizzjoni waħda, mingħajr informazzjoni oħra li normalment issegwi.

Fi żmien ta’ moviment sinifikanti u ta’ taqlib politiku, l-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-media appellaw lill-awtoritajiet Maltin biex jaġixxu skont l-impenji tagħhom lejn proċess ġudizzjarju u politiku miftuħ u trasparenti, u l-obbligi tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-informazzjoni.

Finalment, huma appellaw lill-awtoritajiet Maltin u l-partijiet kollha biex iżommu l-obbligi tagħhom biex jiżguraw li l-ġurnalisti jkunu jistgħu jwettqu dmirijiethom mingħajr theddid u intimidazzjoni, u biex jiżguraw li l-informazzjoni tinqasam b’mod miftuħ, trasparenti u f’waqtu.

L-organizzazzjonijiet li ffirmaw din l-istqarrija kienu;

International Federation of Journalists (IFJ)
European Federation of Journalists (EFJ)
ARTICLE 19
European Centre for Press and Media Freedom (ECPMF)
Index on Censorship
International Press Institute
Reporters Without Borders (RSF)
Scottish PEN