Lokali

Iħeġġu għall-kalma u s-serenita’

Minkejja li l-Prim Ministru Joseph Muscat injora lill-eluf li reġgħu niżlu jipprotestaw, u se jibqa’ sa Jannar iggranfat mas-siġġu tal-poter, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima għadu jiftaħar li dan hu Gvern li jisma’.

Mistoqsi x’inhu l-bżonn li Muscat irrefera għalih biex iġġustifika l-fatt li se jibqa’ fit-tmexxija tal-pajjiż sa Jannar…hu wiegeb b’dan il-mod.

Hu ġġustifika l-fatt li l-Prim Ministru se jibqa’ fit-tmexxija sa Jannar billi qal li l-Gvern ma jistax jieqaf jaħdem. Iżda ma weġibx għaliex Muscat m’afdax lid-Deputat mexxej tiegħu, Chris Fearne, biex ikompli bix-xogħol.

Waqt li ddeskriva l-messaġġ tal-Prim Ministru fuq ix-xandir nazzjonali bħala wieħed seren, Clifton Grima appella għall-għaqda.

Din id-dikjarazzjoni ta’ Clifton Grima tasal fl-isfond tal-fatt li fi ħdan il-Partit Laburista bdiet il-ġlieda għat-tmexxija … anke bejn id-Deputati stess.Fost l-ohrajn….jispikka l-attentat ta’ frame up fuq il-Ministru Chris Cardona li l-Ħadd, fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista qal li Joseph Muscat tefa’ l-fiduċja tiegħu f’nies li ħallsuh b’imġieba ħażina… nies li l-għan tagħhom mhuwiex il-ġid komuni jew l-interess nazzjonali.