Ikomplu joħorġu iktar dettalji mill-laqgħa tal-Kabinett u l-mod xokkanti kif Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, kien qed ipoġġi pressjoni u saħansitra jhedded membri tal-Kabinett.
Rapport fuq is-sit tal-gazzetta Maltatoday jgħid li waqt il-laqgħa maratona tal-Kabinett il-Ħamis li għadda u li damet iktar minn sitt siegħat, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari esprimew rabja għall-mod li Schembri ma kienx interrogat b’mod intensiv wara li allegatament ipprova jwaħħal l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia fuq il-Ministru Chris Cardona u li kien ta struzzjonijiet lil Yorgen Fenech waqt li kien arrestat permezz tat-tabin Adrian Vella.
“Meta rajna l-kontenut ta’ din l-ittra, konna mbellhin li l-pulizija qagħdu biss fuq il-kelma tiegħu (ta’ Keith Schembri)”, tenna membru tal-Kabinett ma’ Maltatoday.
Agħar minn hekk, il-ġurnal żvela kif Keith Schembri kien jaf x’qed jingħad waqt dik il-laqgħa tal-Kabinett. Maltatoday tirrapporta li f’mument minnhom id-Deputat Robert Abela qal lil Joseph Muscat “Dak il-kurnut fottiek”. Ftit wara, tkompli Maltatoday, Keith Schembri nnifsu ċempel lil Lydia Abela, u qallha “naf x’qal ir-raġel tiegħek dwari.”
Ministru li tkellem ma’ Maltatoday qal li Schembri ipprova jċempel lill-ministri kollha iżda kollha ibblokkjawh.
//= $special ?>