Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Thedded b’mod sottili lill-Istati Uniti

Il-Korea ta’ Fuq komunista qalet li l-Istati Uniti qed tipprova ġġebbed il-proċess tat-taħditiet dwar id-denuklearizzazzjoni qabel l-elezzjoni tas-sena d-dieħla għall-Presidenza Amerikana. Dan waqt li r-reġim Pyongyang ħareġ b’messaġġ sottili biex Washington ma jibqax daqshekk riġidu fid-domandi li qed jagħmel.

Ri Thae Song, il-Viċi-Ministru Komunista b’responsabbiltà għat-trattativi mal-Istati Uniti, akkuża lil Washington ‘talli hu aktar impenjat biex jirbaħ il-ħin milli jagħmel il-konċessjonijiet’. Hu kompla li wieħed irid jistenna u jara fejn se jaslu l-Amerikani ‘ meta l-Istati Uniti trid tiddeċiedi u tagħżel ir-rigal tal-Milied li tixtieq’.

Il-Korea ta’ Fuq qalet li d-djalogu li qed tippromwovi l-Istati Uniti mhux għajr ‘qerq biex Pyongyang jibqa’ marbut mal-proċess u biex l-Amerikani jużaw dan id-djalogu biex jiggwadanjaw politikament mis-sitwazzjoni qabel l-elezzjoni f’pajjiżhom’.

F’dan il-każ, Ri Thae Song kien qed jalludi għall-istqarrija mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan li sejħet għal ‘djalogu sostnut u sostanzjali’ wara li l-Korea ta’ Fuq, jiem ilu, ippruvat sistema ġdida ta’ multiple rocket launchers.

In-negozjati bejn Pyongyang u Washington dwar id-denuklearizzazzjoni tal-penisola Koreana ilhom staġnati mindu weħlu l-aħħar taħditiet li saru f’Ottubru, fi Stokkolma.

Il-Korea ta’ Fuq tat lill-Amerikani sal-aħħar tas-sena biex juru flessibbiltà fil-pożizzjoni tagħhom, iżda Washington fisser dan id-deadline bħala wieħed ‘artifiċjali’.