Internazzjonali

Il-Libja: Attakki mill-ajru joqtlu 14-il tfal fi 72 siegħa

Il-qawwiet mal-Gvern Libjan li jgawdi l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti qalu li żewġ attakki mill-qawwiet tal-ajru avversarji — u li seħħew fi spazju ta’ 72 siegħa — swew il-ħajja ta’ 14-il tfal, minbarra li ħallew numru ta’ ċivili midruba lejn in-nofsinar ta’ Tripli u fil-belt ta’ Umm Al-Aranib.

Ir-rapporti qalu li attakk partikulari mill-Armata tal-Lvant immexxija minn Khalifa Haftar ikkonċentra fuq zona residenzjali lejn in-naħa t’isfel tal-kapitali fejn mietu ħamest itfal, b’numru ta’ ċivili jispiċċaw feruti. Dan wara attakk, sigħat qabel, li fih kienu nqatlu disat itfal u żewġ nisa fl-inħawi ta’ Umm Al-Aranib.

Il-qawwiet Libjani ta’ Haftar ilhom minn April imexxu offensiva fuq Tripli fejn iridu jqaċċtu l-Gvern tal-Prim Ministru Libjan, Fayez Sarraj, li għandu s-sostenn tan-NU. Haftar irid jieħu l-kontroll fi Tripli biex jelimina ‘entitajiet tat-terroristi’ li skont hu ikkonsolidaw bażi fil-kapitali Libjana.

Il-konflitti armati fi Tripli u l-madwar,  minn April ‘il hawn, ħallew eluf ta’ mejtin u midruba minbarra li ssarrfu fi kważi 120,000 refuġjat fost il-popolazzjoni ċivili.