Internazzjonali

In-NATO: Summit iddominat mid-diżgwid, bl-Alleanza tagħlaq 70 sena

L-Alleanza tan-NATO qed tiltaqa’ f’Londra għal summit li jfakkar is-70 anniversarju mit-twaqqif tagħha, wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Is-summit ta’ jumejn qed isir taħt id-dell ta’ tilwima ħarxa bejn Franza u t-Turkija (it-tnejn membri prominenti tal-Alleanza) fost id-dibattitu jaħraq dwar il-finanzjament tan-NATO.

Is-sitwazzjoni saret aktar delikata wara li l-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, qal li għandu jopponi l-pjan tan-NATO għad-difiża tar-reġjun Baltiku, f’każ li l-Alleanza tal-Punent ma tappoġġjax lit-Turkija fil-ġlieda tagħha kontra l-gruppi tal-Kurdi li Ankara tikkunsidrahom terroristi.

Għaldaqstant, it-Turkija  qed timponi problema ewlenija għan-NATO. Dan għaliex il-pajjiż, effettivament, qed iħalli staġnat ir-response plan għall-proċess rapidu għar-reinforzar tar-reġjun tal-Baltiku ( li jrid ikun approvat mid-29 pajjiżi-membri tan-NATO) sakemm jieħu dak li jrid fir-reġjun tiegħu.  Il-pjan jesiġi għad-difiża tal-Polonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Estonja f’każ ta’ xi attakk min-naħa tar-Russja.

In-NATO (North Atlantic Treaty Organization) kienet twaqqfet biex tilqa’ it-theddida tal-espansjoni  mill-eks Unjoni Sovjetika komunista. Id-29 Stati membri huma impenjati li jgħinu xi pajjiż-membru li jispiċċa taħt attakk iżda l-President Franċiż, Emmanuel Macron, ix-xahar li għadda, ilmenta li l-Istati tan-NATO m’għadhomx jikkoperaw fuq issues ewlenin.

Macron kien fisser lill-Alleanza bħala ‘prattikament mejta’ waqt li rrefera għal ‘nuqqas ta’ impenn min-naħa tal-Istati Uniti’ li hi l-akbar garanzija għall-funzjoni tan-NATO.

Sadattant, il-President Amerikan Donald Trump, wara li wasal f’Londra għas-summit,ma tilifx żmien biex jakkuża lil Macron li ‘għaġġel iż-żejjed fi kliemu’. Trump, waqt konferenza tal-aħbarijiet, qal li n-NATO qed taqdi funzjoni importanti u li l-kummenti ta’ Macron iridu jitqiesu bħala ‘insult’. Il-President Amerikan kompla li ‘jista’ jara sitwazzjoni fejn Franza ma tifformax aktar parti min-NATO’ iżda ma spjegax ir-raġuni.

Aktar qabel, il-President Tork, Erdogan, ukoll kien ikkritika lil Macron għall-kummenti dwar in-NATO waqt li akkużah b’li għandu biss ‘idea bażika ta’ xi jfisser it-terroriżmu’.

Fl-istess ħin, Trump irrepeta l-ilment antik tiegħu fis-sens li ħafna Stati oħra tan-NATO mhumiex jikkontribwixxu biżżejjed fondi għall-Alleanza. Iżda filwaqt li rrifera dwar dan in-nuqqas, Trump sostna li ‘id-dinja u n-NATO qegħdin jinbidlu u li hu (Trump) qed iżid is-sostenn għall-Alleanza għaliex saret aktar flessibbli minn qabel’.