Lokali Qtil Politiku

Ittra ta’ Melvin Theuma timplika lil Keith Schembri bħala mandant tal-qtil; “Għandu jiġi investigat minnufih” – Adrian Delia

Melvin Theuma, li ngħata maħfra presidenzjali sabiex jixhed b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kiteb ittra li jsemmi kemm lin-negozjant Yorgen Fenech kif ukoll lill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri bħala l-mandanti li ħallsu biex issir il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.

Dan l-aħħar żvilupp xokkanti kien żvelat fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal Times of Malta li rriproduċa wkoll kopja tal-ittra miktuba minn Melvin Theuma. Din l-ittra instabet mill-Pulizija waqt tfittxija li saret fil-propjeta’ ta’ Yorgen Fenech f’Portomaso.

L-ittra minn Melvin Theuma ippubblikata illum mill-ġurnal Times of Malta

F’din l-ittra, li m’għandhiex data. Melvin Theuma kiteb li kien qed jibża’ li Fenech u Schembri, issa li nqdew, kienu se jeliminawh u kien għalhekk li lesta xi provi fosthom l-istess ittra, recordings u ritratt tal-istess Theuma flimkien ma’ Keith Schembri f’Kastilja.

Theuma allega wkoll li Keith Schembri kien anki tah job mal-Gvern, iżda imbagħad tilef l-impjiet meta Schembri ma kellux iktar bżonnu.

Wara Yorgen Fenech, issa anki Melvin Theuma – li kuntrarju għal Fenech ingħata l-Maħfra Presidenzjali fuq rakkomandazzjoni ta’ Joseph Muscat – qed jimplika lil Keith Schembri b’involviment dirett fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Immedjata kienet ir-reazzjoni tal-Kap tal-PN Adrian Delia, illi wara li ħarġet din l-istorja insista li issa Keith Schembri għandu jiġi investigat minnufih fuq dawn ir-rivelazzjonijiet il-ġodda.

Keith Schembri kien rilaxxat mill-Pulizija il-Ħamis li għadda.

U waqt li ħerġin dawn il-ħniżrijiet kollha…id-deputati mhedija jieħdu s-‘selfies’ fil-Parlament.

Ikkummenta