Lokali

Keith Schembri għandu jiġi investigat minnufih – PN

Joseph Muscat għandu jitlaq immedjatament biex il-ġustizzja verament issir

Dak li ġie żvelat fil-midja llum huwa ta’ tħassib kbir u flimkien ma’ ritratti li ġew ippubblikati fil-jiem li għaddew juru l-qrubija li hemm bejn il-middleman fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Il-middleman, li Joseph Muscat iddeċieda waħdu li jagħtih il-maħfra, għamel allegazzjonijiet serjissimi fil-konfront ta’ Keith Schembri, u qed jgħid li Schembri flimkien mas-sid ta’ 17 Black kienu l-moħħ wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia.

Għaldaqstant, sostna l-PN fi stqarrija, Keith Schembri għandu jiġi investigat minnufih. Mhux l-ewwel darba li saru allegazzjonijiet ta’ din ix-xorta li jassoċċjaw lil Keith Schembri ma’ dan l-assassinju, hekk kif is-sid ta’ 17 Black ukoll qal li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru huwa involut. Din hija sitwazzjoni fejn Joseph Muscat huwa ostaġġ tal-kriminalità u allura l-pożizzjoni tiegħu mhix tenibbli u għandu jitlaq immedjatament.

Il-PN insista li Joseph Muscat ma kellu qatt jinvolvi ruħu f’investigazzjoni dwar nies li hu għamel snin jipproteġi, għandu jieqaf jipproteġi lil Keith Schembri u għandu jħalli li l-ġustizzja ssir mingħajr l-ebda forma ta’ ndħil jew xkiel. Il-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat mhix tenibbli aktar u kull ġurnata li qed tgħaddi bih Prim Ministru, qed issir ħsara rreparabbli lil pajjiżna. Il-poplu jemmen li trid issir ġustizzja u li l-verità trid toħroġ kollha. Hekk biss nistgħu nħarsu l-interess nazzjonali.