Ekonomija Kummerċ Lokali

L-Istitut tal-Accountants jitlob “azzjoni immedjata”

Iċ-ċirkostanzi li pajjiżna jinsab fihom bħalissa huma tant straordinarji u gravi li hija meħtieġa azzjoni immedjata biex treġġa’ lura s-serenità u l-kunfidenza f’pajjiżna u fis-suq tagħna.

Fi stqarrija, l-Istitut tal-Accountants qal illi l-professjoni tistenna messaġġ qawwi min-naħa tal-gvern u tal-istituzzjonijiet fil-forma ta’ bidliet immedjati fl-amministrazzjoni ta’ pajjiżna u dawk fit-tmexxija tal-istituzzjonijiet relevanti. L-oġġettiv ewlieni bħalissa għandu jkun Il-konklużjoni sodisfaċenti tal-investigazzjonijiet tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li jkun jiżgura li l-ġustizzja ssir, u tkun tidher li qed issir mingħajr ebda dell ta’ dubju.

Kunflitti ta’ nteress, veri jew mistħajla, m’għandhomx jimpattaw il-proċess jew ir-riżultati tal-investigazzjonijiet. Il-persuni li qed imexxu l-pajjiż, min-naħa tal-gvern u fl-istituzzjonijiet relevanti, għażlu li jidħlu għar-responsabbiltà sabiex iħarsu s-soċjetà tagħna, l-ekonomija tagħna u s-suq tagħna. Dawn il-pożizzjonijiet iġorri magħhom responsabbiltà u kontabilità jekk l-oġġettivi jiġu milħuqa jew le. L-individwi fl-irwoli kompetenti għandhom iwarrbu issa biex ma tkomplix issir aktar ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta u, fuq kollox, biex jerfgħu r-responsabbiltà politika. Ninsabu f’sitwazzjoni li mhix sostenibbli fejn il-protagonisti u l-Maltin b’mod ġenerali  qed ikollhom bżonn jittalbu għall-konsegwenzi li suppost huma ovvji f’demokrazija.

Il-professjoni tagħna hija kontinwament mistennija li tgħolli l-istandards tagħha, issegwi regolamentazzjoni dejjem aktar rigoruża u timxi b’mod xieraq f’kollox. Bl-istess mod, il-professjoni tistenna standards aktar għoljin mill-gvern, mis-settur pubbliku u mill-istituzzjonijiet relevanti. Il-professjoni qed taħdem f’kundizzjonijiet iebsin minħabba d-diffikultajiet fis-servizzi bankarji b’korrispondenza; il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ Moneyval u l-implikazzjonijiet potenzjali fuq il-profil tal-pajjiż permezz tal-qafas regolatorju li fih joperaw il-professjonisti, li jħalli impatt qawwi fuq is-suq. Ninsabu diżappuntati b’ċerti elementi fil-gvern u fl-istituzzjonijiet. L-istandards għolja li kienu ġew imwiegħda issa għandhom jiġu attwati filwaqt li jiġu wkoll infurzati fuq is-settur privat u professjonali.

Muscat dieħel Kastilja

Dawn l-istandards għolja iridu jiġu implimentati llum permezz ta’ bidla fit-tmexxija tal-pajjiż u tal-istituzzjonijiet. Ma nistgħux nistennew aktar; l-ekonomija u s-suq tagħna jitolbu dan.