Lokali

Malta maħkuma minn kriżi politika qawwija. L-interess nazzjonali jiġi fuq kollox – KTP

“Malta hija maħkuma minn kriżi politika qawwija. L-interess nazzjonali għandu jiġi fuq kollox.” Issostni dan il-Kamra tal-Periti li fi stqarrija qalet li ħafna minn dawk li huma implikati, anki b’assoċjazzjoni, huma professjonisti li ħadu ġurament ta’ lejalta’ lejn ir-Repubblika ta’ Malta.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Periti sejħet lill-Kmamar u Assoċjazzjonijiet professjonali kollha sabiex jaqdu d-dmir tagħhom li jinvestigaw ksur ta’ kondotta professjonali u jżommu l-membri tagħhom kontabbli mingħajr biża jew favur u li jinħolqu istituzzjonijiet u proċessi li jiggarantixxu l-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini, il-ġid komuni minflok l-interessi personali.

Il-Kamra tal-Periti qalet li fallimenti tas-sistema tal-ippjanar, in-nuqqas ta’ regolamenti ta’ bini adegwati, il-ħsara li saret lill-wirt kulturali u naturali tagħna huma turija kif pajjiżna ġie maħkum minn spekulazzjoni u korruzzjoni għal għexieren ta’ snin, a skapitu tal-ġid komuni.

L-istqarrija ttemm li ż-żmien tal-maskri diżonesti li jilludu li ngħixu fl-ordni spiċċa. Wasal issa ż-żmien li l-persuni f’awtorita’ jirrikonoxxu s-sitwazzjoni gravi li wassal għall-inkwiet soċjali li qiegħdin fih u jieħdu dawk id-deċiżjonijiet kollha neċessarji sabiex jiġi salvagwardjat l-interess nazzjonali.

Ikkummenta