Doppjetta ta’ Gabriel Jesus għamlet it-triq għal rebħa ta’ 4-1 li Manchester City kellhom kontra Burnley f’Turf Moor. City kienu ġejjin minn draw kontra Newcastle li ħalliethom 11-il punt wara l-leaders Liverpool u żvugaw ir-rabja tagħhom f’din il-logħba li ddominaw mill-bidu sal-aħħar. Mid-draw kontra Newcastle, Pep Guardiola għamel erba’ bidliet. Nicolas Otamendi, Angelino, Rodri u Bernardo Silva bdew flok John Stones, Benjamin Mendy, Ilkay Gundogan u Riyad Mahrez rispettivament.
Manchester City kienu għoddhom fetħu l-iskor wara sitt minuti meta xutt ta’ Angelino tkompla għal ġewwa bit-takkuna minn Jesus iżda l-Brażiljan kien f’pożizzjoni ta’ offside. Iżda l-Brażiljan sab ix-xibka fl-24 minuta meta rċieva mingħand David Silva u b’konklużjoni minn pożizzjoni angolata ma tax ċans lil Nick Pope.
Il-gowlkiper ta’ Burnley ċaħħad darbtejn lil City milli jkabbru l-iskor meta l-ewwel ċaħħad lil Raheem Sterling mill-viċin u fit-43 minuta salva xutt ta’ Bernardo Silva. Huma rduppjaw fil-50 minuta bi kross ta’ Bernardo Silva jsib lil Jesus li b’konklużjoni mill-ewwel mill-kaxxa ż-żgħira skorja t-tieni gowl.
L-iskor sar 3-0 fit-68 minuta, bil-midfielder Rodri jiskorja t-tieni gowl mal-klabb b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa wara li d-difensur Ben Mee kien biegħed il-ballun parzjalment. Riyad Mahrez skorja l-50 gowl tiegħu fil-Premier League fis-87 minuta b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa. Burnley naqqsu d-distakk żewġ minuti wara permezz ta’ Robbie Brady.
Burnley imisshom is-Sibt li ġej kontra Tottenham barra minn darhom filwaqt li Manchester City jilqgħu lir-rivali Manchester United il-Ħadd fil-5.30pm.
Bournemouth sofrew ir-raba’ telfa konsekuttiva fil-Premier League hekk kif kienu megħluba 1-0 minn Crystal Palace f’Selhurst Park. Il-logħba kellha bidu diffiċli għal Palace wara li tkeċċa d-difensur Mamadou Sakho fid-19-il minuta wara daħla fuq l-irkoppa ta’ Adam Smith. Ftit minuti wara, kellu jinbidel ukoll Patrick van Aanholt.
Il-manager Roy Hodgson kellu jorganizza aħjar lit-tim u rnexxielu hekk kif ikkontrollaw lill-avversarji. Bournemouth ma ħadux vantaġġ mis-superjorità numerika hekk kif ftit kienu ta’ inkwiet għall-gowlkiper Vicente Guaita. Il-gowl deċiżiv wasal fis-76 minuta b’azzjoni personali mill-aqwa ta’ Jeffrey Schlupp li baqa’ dieħel fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx għadda l-ballun fuq idejn Aaron Ramsdale.
//= $special ?>