Lokali

Messaġġi ”amikevoli” bejn Muscat u Fenech

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black u l-persuna suspettata li kien il-mandant fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, bagħtu lil xulxin għadd ta’ messaġġi amikevoli.

Din il-korrispondenza kienet għaddejja anke fil-perjodu li Fenech kien qed jitqies bħala suspettat ewlieni fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, filwaqt li Muscat kien qed jirċievi l-aħħar aġġornamenti mis-Servizzi tas-Sigurtà.

Dan kollu kien żvelat mis-sit LovinMalta.com. Oriġinarjament, il-Prim Ministru qal li ltaqa’ l-aħħar ma’ Yorgen Fenech aktar minn sena ilu. Iżda riċentament, ammetta li ltaqa’ miegħu soċjalment ftit tax-xhur ilu, saħansitra din is-sena stess. Madankollu, hu ma tax aktar dettalji dwar dawk il-laqgħat riċenti lill-media.

Isem Muscat diġà ssemma’ mill-istess Yorgen Fenech appena n-negozjant kien arrestat l-ewwel darba u ta l-ewwel stqarrija lill-Pulizija. F’nofs il-kriżi nazzjonali li bħalissa għaddej minnha l-pajjiż, LovinMalta bagħtet mistoqsijiet għar-reazzjoni tal-Prim Ministru, iżda dawn baqgħu mhux imwieġba.