Lokali Parlament

Michael Farrugia jwissi li l-protesti tas-soċjetà ċivili għandhom limitu

Id-deputat Laburista Silvio Parnis:”L-istorja għad trid tbierek lill-Partit Laburista għal dak li għamel”.

Il-Ministru Owen Bonnici:”Joseph Muscat għandu jibqa’ prim ministru; Malta se titlef b’din ir-riżenja”

Ma jitkellmux il-ministri ewlenin Chris Fearne, Chris Cardona, Evarist Bartolo u Edward Scicluna

Il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia sostna fil-parlament dalgħodu ddikjara fil-parlament li l-protesti tas-soċjetà ċivili dwar il-kriżi politika preżenti wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għandhom limitu.

Il-Ministru Farrugia għamel din id-dikjarazzjoni meta dalgħodu sar id-dibattitu dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia; liema dibattitu l-gvern qed jagħmlu meta l-Oppożizzjoni mhix tattendi s-seduti tal-parlament sakemm Joseph Muscat jibqa’ prim ministru.

F’dan id-dibattitu ma tkellmux id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-ministri ewelnin Edward Scicluna, Chris Cardona u Evarist Bartolo.

Fil-parlament dalgħodu l-Ministru Farrugia tkellem dwar l-investigazzjonijiet fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, qal li hemm limitu għall-protesti tas-soċjetà ċivili u sostna li jekk dawn il-protesti jwasslu għall-vjolenza, min qed jinċita jrid ikun responsabbli.

Il-protesti tal-eluf ta’ Maltin fil-Belt Valletta fl-aħħar ġranet

Hu qal li min għandu responsabbiltà politiku għandu jassumieha u ħadd m’għandu jinċita n-nies għall-vjolenza.

Il-Ministru tal-Interna semma’ t-tgħajjir u l-ħsarat fuq xi karozzi ta’ ministri u qal li dawn il-protesti huma inċitati mill-Oppożizzjoni. Hu qal li din hi inċitazzjoni kontra l-istat Malti; din hi xi ħaġa; gravi.

Il-messaġġ tal-gvern hu li ħadd ma jersaq lejn il-Belt meta jkun hemm il-protesti iżda l-ordnijiet tal-pulizija jridu jkunu obduti. Min qed jinċita l-protesti se jitniżżel fl-istorja bħala dawk li jridu jieħdu l-pajjiż għas-sebgħinijiet. Ħadd m’hu se jkun protett, sostna l-Ministru Farrugia, li qal li jekk se tkun din il-pantomima, “ħaddieħor irid jirrispondi”.

Il-Ministru tal-Intern qal li l-Oppożizzjoni taħti jekk se jkun hemm telf ta’ impjiegi. Is-soċjetà ċivili hi l-PN, sostna Michael Farrugia.

Fis-seduta tkellmu wkoll id-deputat Laburista Glen Bedingfield u l-Ministru Ian Borg li attakkaw lill-PN waqt li sostnew li l-PL hu magħqud wara Joseph Muscat għax il-PL għamel rebħiet storiċi. Il-Ministru Borg qal li l-elezzjoni se ssir f’waqtha. Il-Ministru Borg iddefenda lill-Kummissarju tal-Pulizija u attakka lill-ġurnalisti meta dawn ipprovaw jieħdu l-kummenti tal-Kummissarju tal-Pulizija waqt li dan qed jiekol il-fniek fl-Imġarr.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar propju dakinhar li kien qed jiekol il-fniek fl-istess mument meta ċ-Chairman tal-Pilatus Bank kien qed joħroġ b’basktijiet fis-satra tal-lejl mill-istess bank

Hu qal li l-legat ta’ Joseph Muscat hu b’saħħtu iktar minn qatt qabel għalkemm dan ma kienx l-aħjar mod kif Muscat joħroġ mill-kariga ta’ prim ministru.

Il-Ministru Borg qal li d-deputati Laburisti mhux se jiżbaljaw u se jagħżlu l-aħjar mexxej biex imexxi.

Tkellem ukoll id-deputat Silvio Parnis li attakka lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, lill-Viċi-Kap tal-PN David Agius, lid-deputati Jason Azzopardi u Clyde Puli u sostna li l-PN ma jridx ġustizzja iżda jrid il-poter. Id-deputat Nazzjonalista attakka lid-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil u qal li Busuttil kien mal-protestanti jattakkaw lid-deputati Laburisti bil-bajd, bl-għawrina u bil-ġebel. Hu sostna li l-PL se jibqa’ jirbaħ u żied li l-istorja għad trid tbierek lill-PL għall-ġid li għamel fil-pajjiż. Silvio Parnis appella lin-nies biex igawdu l-Milied u qal li l-PN m’għandux ċans jieħu l-gvern.

Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis qal li l-PN ma jistax jgħallem lill-PL dwar id-demokrazija. Hu faħħar lill-Prim Ministru u qal li din il-ġimgħa Joseph Muscat wera’ kemm hu statista u bniedem kbir. Hu appella lil min qed jipprotesta biex iġib rispett u sostna li l-PL hu moviment intelliġenti u mhux se jidħol għan-nases li saru fit-tmeninijiet. Decelis qal li l-legat ta’ Joseph Muscat hu li “rnexxielna naħdmu flimkien”.

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal li dan id-dibattitu qed isir wara li tressaq il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Hu qal li fi żmien sagħtejn minn meta nqatlet Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru laqa’ l-offerta tal-FBI biex jgħinu fl-investigazzjonijiet. Owen Bonnici qal li l-Prim Ministru ta riżorsi bla preċedent biex jissolva dan il-każ u ta proklama lill-middleman Melvin Theuma biex jixhed; din kienet kruċjali.

Il-Ministru tal-Ġustizzja qal li jekk nies oħra involuti, l-istituzzjonijiet se jkomplu jinvestigaw biex il-verità kollha toħroġ. L-FIAU tagħmel xogħol imprezzabbli iżda ma tistax titkellem fuq ix-xogħol li tagħmel minħabba li l-investigazzjoni hi sigrieta. Hu qal li bħalissa għaddejjin ħames inkjesti u sostna li r-rule of law qed taħdem. Il-Ministru tal-Ġustizzja qal li Joseph Muscat missu baqa’ prim ministru għax Malta tilfet b’din ir-riżenja.

Il-Ministru tal-Ġustizzja jsostni li r-rule of law qed taħdem fil-pajjiż u li Malta se titlef bir-riżenja ta’ Joseph Muscat minn prim ministru

Il-Ministru tal-Ġustizzja qal li Muscat se jibqa’ prim ministru sat-12 ta’ Jannar 2020 mhux biex ibgħabas l-investigazzjonijiet għax f’dawn l-investigazzjonijiet hemm il-Europol involuti. Hu appella għall-kalma u jibqa’ l-appoġġ għal Joseph Muscat u sostna li l-PL ma jridx jibqa’ marbut mas-siġġu tal-poter. Aħna mhux nċedu u se nkomplu nwettqu l-mandat elettorali, sostna l-Ministru Owen Bonnici.

Il-Ministru tal-Familja Michael Falzon attakka lid-dimostranti li qed ikun hemm il-Belt u sejħilhom ‘gang leaders’ li qed jinġabru biex iwaddbu l-bajd u jinsulentaw. L-Oppożizzjoni qed timbotta d-demm, sostna l-Ministru Falzon, li qal li l-Oppożizzjoni qed tmur għat-tattiċi tat-tmeninijiet. In-nies ma jinbidlux malajr.

Il-Ministru Falzon kritika l-użu tad-drownes fid-dimostrazzjonijiet u l-protesti fil-Belt. Hu wera’ l-ġlekk li fih intlaqat bil-bajd u qal li dan sar minn deputati tal-Oppożizzjoni. Mhux xieraq li jkun hawn min jimbotta l-pajjiż 30 sena lura, sostna l-Ministru Michael Falzon.

Il-aprlament temm is-seduta fil-11.50 am u aġġorna għal għada fid-9 am.