Lokali

“Muscat għandu jitlaq immedjatament”

Kull ġurnata li qed tgħaddi b’Joseph Muscat Prim Ministru, qed issir ħsara rreparabbli lil pajjiżna. Il-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat m’għadiex tenibbli u għandu jitlaq immedjatament.

Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wara laqgħa ma’ delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li waslet Malta sabiex tistħarreġ is-saltna tad-dritt f’pajjiżna wara l-iżvilupp fl-investigazzjonijiet relatati mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Din il-laqgħa saret fl-Uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament.

Adrian Delia wera t-tħassib kbir tiegħu għas-sitwazzjoni delikata li hawn bħalissa f’pajjiżna, li għaddej minn kriżi Kostituzzjoni u istituzzjonali. Huwa qal li l-kriżi li qed jaffaċċja pajjiżna daħħalna fiha Joseph Muscat, li għadu qed jokkupa l-kariga ta’ Prim Ministru minflok irriżenja minnufih.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Kostituzzjoni ta’ Malta tipprovdi li pajjiżna huwa pajjiż demokratiku, u f’demokrazija trid bilfors tirrenja s-saltna tad-dritt u tippreżumi li jkun hawn separazzjoni tal-poteri. Huwa qal li sfortunatament f’pajjiżna dawn il-poteri kollha nħakmu minn persuna waħda. Adrian Delia nsista li Malta mhux korrotta, l-Maltin mhumiex korrotti imma għandna Gvern maħtuf u ostaġġ tal-kriminali.

F’dan iż-żmien delikat, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tibqa’ tħares l-interess nazzjonali, u dan se tagħmlu fl-aħjar interess tal-Maltin u l-Għadwxin, iżda Joseph Muscat huwa Prim Ministru lleġittimu u għalhekk l-Oppożizzjoni mhix se tkun qed tipparteċipa f’attivitajiet tal-Parlament sakemm jibqa’ Prim Ministru.

Matul din il-laqgħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Mifsud Bonnici. Id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, li hija magħmula minn Ewroparlamentari ta’ gruppi politiċi differenti, kienet immexxija Sophie in’t Veld, li kienet akkumpanjata minn Roberta Metsola, Birgit Sippel, Sven Giegold, Nicolaus Fest, Assita Kanko u Stelios Kouloglou.