Lokali Qorti

Somalu mixli bi traffikar konsiderevoli tad-droga kannabis

Somalu ta’ 27 sena tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri fuq ammont konsiderevoli ta’ kannabis li allegatament instabet fir-residenza tiegħu fil-Ħamrun.

Il-Pulizija għada għaddejja bl-investigazzjoni dwar dan il-każ minħabba li jista’ jkun li huwa marbut mal-omiċidju li seħħ nhar il-Ġimgħa fil-Marsa fejn fuq tressaq Somalu ieħor mixli li wettaq ir-reat fil-konfront ta’ raġel mill-Eritrea.

Ahmed Ahmar Mohammed ġie mixli li nhar il-Ħadd li għadda u fil-ġranet ta’ qabel instabet pjanta sħiħa tal-kannabis, li l-piż tagħha huwa ta’ 89 gramma flimkien ma’ 123 qartas lesti u ppakkjati biex jiġu traffikati.

Huwa ġie mixli li kkommetta dan ir-reat f’distanza ta’ 100 metru mill-perimitru ta’ skola jew post fejn jiltaqgu ż-żgħażagħ. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Joe Bonnici li deher għall-akkużat ma talabx għal libertà proviżorja u għalhekk huwa ttieħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Anthony Scerri.

L-investigazzjonijiet għad iridu jistabilixxu jekk dan il-każ huwiex relatat ma’ dak ta’ Kinaan Abdinasir 23 sena, li t-Tnejn li għadda tressaq il-Qorti mixli bil-qtil ta’ Bakri Bashir ta’ 27 sena, li miet wara li qala’ diversi daqqiet b’imqass.