Futbol Sport

Terry McDermott se jkun il-mistieden ta’ Liverpool Supporters Club ta’ Għawdex

Is-Supporters Club ta’ Għawdex ta’ Liverpool se jkunu qed jospitaw il-plejer leggendarju ta’ Liverpool Terry McDermott waqt l-ikla annwali tal-Milied organizzata fil-Grad Hotel f’Għajnsielem.

Apparti l-prezenza ta’ Terry McDermott, għal din l-attività se jkun hemm preżenti wkoll Claire Carline li hi n-neputija tal-manager leġġendarju ta’ Liverpool Bill Shankly. Hi mistennija taqsam esperjenzi tagħha dwar nannuha kif ukoll tippreżenta pubblikazzjoni tagħha dwaru.

Terry McDermott kien ingħaqad ma’ Liverpool fl-1974 mingħand Newcastle meta Bob Paisley ħa t-tmexxija tat-tim wara Bill Shankly. Tul il-karriera tiegħu mal-Kopites sal-1982 hu lagħab 232 logħba u skorja 54 gowl. Ma’ Liverpool hu rebaħ xejn inqas minn ħames kampjonati, tliet Tazzi tac-Champions, darbtejn il-League Cup, il-UEFA Cup u l-UEFA Super Cup. Hu kien ukoll lagħab 25 logħba mat-tim nazzjonali Ingliż u skorja tliet gowls.

McDermott kien skorja l-ewwel gowl fil-final tat-Tazza taċ-Champions kontra Borussia Mönchengladbach, b’Liverpool jispiċċaw rebbieħa 3-1. Ftit xhur wara hu skorja tripletta fit-tieni leg tal-finali biex għelbu lil Hamburg u rebħu l-UEFA Super Cup. Fl-1980, McDermott kien ivvutat bħala l-Plejer tas-Sena kemm mill-plejers kif ukoll mill-kittieba sportiva, l-ewwel darba li dawn iż-żewġ unuri ntrebħu mill-istess plejer fl-istess staġun. Hu kien l-ewwel plejer ta’ Liverpool li rebaħ il-PFA Players’ Player of the Year.

Biljetti għal din l-attività jinkisbu mill-Liverpool Supporters Club Gozo u membri tal-kumitat jew billi jsir kuntatt fuq 99430673.