Lokali

TIBDA T-TELLIEQA: Nhar it-Tnejn jiftħu n-nomini għat-tmexxija tal-Lejber

F’laqgħa li saret it-Tnejn, l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista approva l-proċess li bih se ssir l-elezzjoni ta’ Mexxej ġdid tal-PL.

L-Eżekuttiv ilbieraħ approva l-aġenda u d-dati għall-Konferenza Ġenerali u l-Kungress tal-membri. In-nomini se jinfetħu nhar it-Tnejn 9 ta’ Diċembru u jagħlqu l-Erbgħa 11 ta’ Diċembru. Fi kliem sempliċi, il-kampanja għal-leadership se tkun qed tiġi varata fl-eqqel tal-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.

Il-Konferenza Ġenerali se ssir nhar it-Tnejn 6 u t-Tlieta 7 ta’ Jannar.

F’każ ta’ iktar minn żewġ kandidati jkun hemm vot fis-7 ta’ Jannar biex l-iktar tnejn li jġibu ammont ta’ voti jgħaddu għall-votazzjoni tal-Kungress, fejn għall-ewwel darba se jivvutaw it-tesserati kollha tal-Lejber. 

Il-Kungress se jsir fl-10, 11 u 12 ta’ Jannar, bil-votazzjoni mill-membri eleġibbli ssir fil-11 ta’ Jannar.

Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista flimkien mal-istrutturi rispettivi ser tkun responsabbli mill-proċess elettorali kollu. Kif kien żvela Net News b’mod esklussiv, din il-Kummissjoni diġa’ kienet iltaqgħet il-ġimgħa li għaddiet sabiex tagħżel id-dati u tħejji dan il-proċess kollu li se jwassal biex jintgħażel is-suċċessur ta’ Joseph Muscat.