Internazzjonali

Tifun kbir jikkaġuna l-imwiet u l-kaos fil-Filippini

Il-Filippini, fl-aħħar sigħat, intlaqtet minn tifun qawwi li ħalla tal-anqas tlieta mejtin minbarra li ħarbat l-iskedi għat-trasport tal-ajru, bl-uffiċini tal-Gvern u l-iskejjel ma jiftħux.

It-Tifun Kammuri ħalla ħerba fiċ-ċentru tal-Filippini, b’tal-anqas 200,000 persuna jispiċċaw evakwati miz-zoni qrib il-kosta u qalb il-muntanji, fost l-inkwiet dwar għargħar u valangi tal-art.

Dan waqt li numru ta’ avvenimenti relatati mal-Logħob għall-Pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja (li qed isiru bħalissa fil-Filippini) tħassru jew kienu posposti għal data oħra.

Is-servizzi fl-ajruport ta’ Manila spiċċaw sospiżi għal tal-anqas 12-il siegħa minħabba l-elementi tat-tifun li qed jiġġenera rwiefen b’veloċità ta’ 155 kilometru fis-siegħa.

Mistenni aktar maltemp qawwi matul il-ġurnata, iżda waqt li għexieren ta’ eluf diġà ħarbu mill-komunitajiet lejn il-lvant tal-pajjiż, oħrajn iddeċidew li jibqgħu hemm minkejja l-maltemp li kien qed javviċina dawk iz-zoni.