Internazzjonali

Il-Papa jaċċetta r-riżenja ta’ Isqof Amerikan

Il-Papa Franġisku aċċetta r-riżenja tal-Isqof Richard J. Malone ta’ Buffalo (New York) li kien spiċċa fl-eqqel ta’ kriżi dwar abbuż sesswali fid-djoċesi tiegħu.

Kelliema għall-Vatikan qalu li l-Papa, fl-aħħar sigħat, ħatar lill-Isqof ta’ Albany, Edward B. Scharfenberger, biex, għalissa, jamministra d-djoċesi ta’ Buffalo sakemm jista’ jinħatar isqof ġdid.

Malone, li kien ilu s-snin taħt pressjoni biex jirriżenja, qed iwarrab mir-rwol sentejn qabel iż-żmien tal-irtirar ‘normali’ għall-isqfijiet. Dan meta hu għandu 73 sena.

L-Isqof inkwistjoni, li kien iltaqa’ mal-Papa ix-xahar li għadda, kien akkużat b’li ħeba jew ‘mexxa ħażin’ każi ta’ abbuż fejn għexieren ta’ minorenni kienu sofrew taħt idejn il-qassisin fid-djoċesi teigħu. Malone ċaħad l-akkużi u, sa ftit ilu, kien baqa’ jinsisti li ma kellux iwarrab kmieni mir-rwol ta’ Isqof.

Dan minkejja li, f’Settembru li għadda, stħarriġ pubbliku li kienet organizzat il-gazzetta Buffalo News indika li mal-85 fil-mija tal-Kattoliċi f’dik iz-zona ta’ New York qablu li Malone ‘kellu jispiċċa minn Isqof’.

Ikkummenta