Lokali

Anzjan imut, oħra fil-periklu tal-mewt wara inċident fir-Rabat

Anzjan residenti Ħaż-Żebbuġ tilef ħajtu u passiġġiera li kienet qed takkumpanjah tinsabu fil-periklu tal-mewt wara inċident serju li seħħ għall-ħabta tad-09:30 fi Triq Ħad-Dingli, it-triq li tgħaqqad lil Ħad-Dingli mar-Rabat.

L-impatt, head on, seħħ meta vann tat-tip Daihatsu Hi-jet li kien dieħel lejn Ħad-Dingli għal xi raġuni spiċċa man-naħa l-oħra tat-triq u baqa’ dieħel f’Mitsubishi. Din tal-aħħar kienet misjuqa minn raġel ta’ 48 sena residenti Ħad-Dingli.

L-inċident wassal biex żewġ persuni li kienu fil-vann, Raġel ta’ 73 sena u mara ta’ 74 sena, spiċċaw maqbuda fil-vettura tant li kien hemm bżonn l-assistenza tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili biex jinħarġu.

Il-Pulizija kkonfermat li l-anzjani sofrew ġrieħi serji u allura jinsabu fil-periklu tal-mewt. Filfatt huma kellhom jingħataw assistenza medika urġenti fil-post, qabel ittieħdu lejn l-isptar Mater Dei. L-anzjan miet ftit wara l-wasla tiegħu fl-isptar.

Din it-triq prinċipali kellha tingħalaq għat-traffiku kawża tal-inċident, bil-Maġistrat Marseanne Farrugia li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-Inkjesta Maġisterjali. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin..

Ikkummenta