Lokali

Appell biex tinstab l-aħjar soluzzjoni bl-inqas inkonvenjent possibbli

Fid-dawl tal-fatt li bħalissa l-Belt Valletta qed tkun iċ-ċentru ta’ diversi protesti li qed isiru mill-poplu Malti u Għawdxi sforz is-sitwazzjoni politika ta’ pajjiżna, il-Kunsillieri eletti f’minoranza f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta qed nirċievu diversi ilmenti mingħand residenti Beltin, partikolarment dawk li jgħixu viċin il-Parlament, għaliex qed ikollhom problema biex jaċċessaw id-djar tagħhom. Dan il-fatt jgħodd ukoll għall-familjari ta’ residenti Beltin, speċjalment anzjani, li jidħlu l-Belt Valletta biex iżuru l-familjari tagħhom li jgħixu fil-Belt Kapitali.

Fi stqarrija, il-Minority Leader tal-Belt Valletta Christian Micallef, flimkien mal-Kunsilliera Vince Fabri u Mark Spiteri Lucas qalu li qed jappellaw lill-Pulizija sabiex b’mod immedjat, tassigura li tindirizza dan l-inkonvenjent li qed ikollhom iħabbtu wiċċhom miegħu r-residenti Beltin u naċċertaw li noffru protezzjoni massima lir-residenti, speċjalment dawk fiż-żoni mmsemmija.

Filwaqt li napprezzaw ix-xogħol kbir li qed tagħmel il-Pulizija, speċjalment dawk fl-għassa tal-Belt Valletta, wieħed jifhem li fi kwalunkwé ċirkostanza, huwa inaċċettabli li resident ikollu diffikultà, ostaklu jew nuqqas ta’ sigurtà għalih u għal dawk li jkunu miegħu, biex jidħlu fir-residenza tagħhom.

Għaldaqstant il-Pulizija, bħala l-awtorità responsabbli minn din it-tip ta’ sigurtà, għandha tfittex l-aħjar soluzzjonijiet ta’ aċċess bl-inqas inkonvenjent possibbli u l-akbar sigurtà għar-residenti meta dawn ikunu qed jaċċessaw ir-residenza tagħhom. Dawn is-soluzzjonijiet għandhom jiġu mitkellma u maqbula mal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, u allura magħna l-kunsillieri eletti f’isem ir-residenti, biex niżguraw li kwalunkwé deċiżjoni tkun komda biżżejjed għar-residenti Beltin, speċjalment dawk anzjani.