Futbol Sport

Birkirkara jiksbu rebħa faċli u jibqgħu bla telfa fil-quċċata

(Ritratt: Birkirkara FC)

Iċ-champions Birkirkara komplew bit-triq tar-rebħ tagħhom wara li għelbu lil Raiders Għargħur 8-1 biex b’hekk jinsabu waħedhom fil-quċċata u bla telfa. Huma kellhom bżonn biss ħames minuti biex fetħu l-iskor permezz ta’ Raina Giusti. Raiders ġabu d-draw fil-11-il minuta minn penalty ta’ Leanne Micallef wara fawl tal-gowlkiper Janice Xuereb.

Birkirkara ħadu r-riedni tal-logħba f’idejhom u skorjaw tliet darbiet bejn il-25 u d-29 minuta permezz ta’ Loza Abera Geinore u doppjetta ta’ Kailey Willis. L-istess Willis skorjat fil-55 minuta biex għaqdet tripletta personali u għamlet l-iskor 5-1. Geinore skorjat l-għaxar gowl fil-kampjonat fil-75 minuta, b’Tracy Teuma u Alishia Sultana jżidu żewġ gowls oħra fl-aħħar għaxar minuti.

Kirkop United kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva. Ir-rebħa ta’ 6-2 kontra Hibernians fissret li telgħu fir-raba’ post b’logħba anqas filwaqt li Hibernians baqgħu fil-qiegħ tal-klassifika.

Ironikament kienu l-Pawlisti li fetħu l-iskor permezz ta’ Lorna-Maria Cassar wara tliet minuti. Liivi Sormus ġabet id-draw fl-10 minuta u minuta wara Sarah Urpani poġġiet lit-tim ta’ Kenneth Costantino minn fuq. Emily Pace għamlet l-iskor 3-1 fit-28 minuta u Urpani kabbret il-vantaġġ tliet minuti wara. Shakira Bugeja naqqset id-distakk fit-53 minuta iżda żewġ gowls oħra ta’ Urpani fil-65 u t-80 minuta għamlu l-iskor finali 6-2.

Il-konfront bejn Swieqi United u Mosta ġie abbandunat fil-21 minuta minħabba ċ-ċpar u problemi fid-dawl tal-grawnd. L-iskor sa dak il-ħin kien ta’ 1-0 favur Swieqi b’gowl ta’ Jade Flask.

Riżultati

It-Tlieta: Birkirkara v Raiders 8-1, Kirkop United v Hibernians 6-2, Swieqi United v Mosta abbandunata

Kif Jinsabu: Birkirkara 16-il punt minn 6 logħbiet, Mġarr United 13-il punt minn 6 logħbiet, Swieqi United 10 punti minn 5 logħbiet, Kirkop 6 punti minn 5 logħbiet, Raiders Għargħur 5 punti minn 6 logħbiet, Mosta 2 punti minn 4 logħbiet, Hibernians punt minn 6 logħbiet

Logħob li jmiss: It-Tlieta 10 ta’ Diċembru: Charles Abela Stadium – Hibernians v Birkirkara  8.15pm, Dingli Ground – Kirkop United v Mġarr United 8.15pm,Mġarr Ground – Raiders v Swieqi United 8.15pm

L-aqwa skorers: H. Bugeja (Mġarr U.) 12-il gowl, L. Abera Geinore (Birkirkara) 10 gowls, K. Willis (Birkirkara) 6 gowls, F. Chircop (Mġarr U.) 5 gowls, J. Flask (Swieqi U.) 5 gowls