Lokali

“Dawk imsemmija jridu jitilqu immedjatament” – Il-Kamra Maltija tal-Kummerċ

Pajjiżna għandu l-ħtieġa li jħares lejn dawn l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni politika

Il-Kamra Maltija tal-Kummerċ talbet lill-Prim Ministru jagħmel dak li hu sewwa u ġust għall-pajjiżna, dan fid-dawl tat-talbiet kurrenti biex Joseph Muscat jirriżenja minn Prim Ministru.

Permezz ta’ stqarrija il-Kamra sostniet li għalkemm ir-riżenja tiegħu f’Jannar kien pass ‘il quddiem, fl-istess waqt din l-istqarrija ġabet magħha tħassib kbir, u livell ieħor ta’ inċertezza f’pajjiżna.

L-istqarrija kompliet billi qalet li din l-instabbiltà f’pajjiżna qed taffetwa l-kummerċ u fl-istess ħin sar appell li pajjiżna għandu l-ħtieġa li jħares lejn dawn l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni politika.

Il-Kamra qalet li tistenna li jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa, li jitilqu dawk imsemmija, fl-immedjat, fl-iqsar perjodu ta’ żmien.

L-istqarrija kompliet billi tenniet li n-nies għandhom kull dritt jipprotestaw b’mod responsabbli. Dan id-dritt sagrosant għandu jkun assigurat u l-folol għandhom jingħataw l-opportunità kollha li jagħmlu dan, filwaqt li kull forma ta’ konfrontazzjoni tkun evitata.

L-istqarrija qalet ukoll li l-President tar-Repubblika għandu jħaddan l-irwol tiegħu u mill-ġdid jġib bilanċ lill-Istat f’dan iż-żmien ta’ tensjoni u nkwiet.

Il-Kamra tal-Kummerċ fakkret li fl-2016 għamlet sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet simili lill-Gvern wara l-iskandlu tal-Panama Papers.