Lokali

L-eks bodyguard ta’ Muscat jissemma’ fil-Qorti; siefer għal-laqgħa sigrieta fil-Libja ma’ Neville Gafa

Ir-raġel li ngħata l-Maħfra Presidenzjali biex jikxef id-dettalji dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, semma’ lil Kenneth Camilleri bħala l-bniedem li ċempillu.

Fil-Qorti, Melvin jiddikjara li s-suspett tiegħu hu li Kenneth, kif ukoll ċertu Johann Cremona, intbagħtu għandu minn Keith Schembri.

F’din il-laqgħa, dejjem skont Theuma, Camilleri nfurmah li qallu li t-tliet suspettati bl-assassinju ta’ Caruana Galizia kienu se jirċievu l-bail kif ukoll miljun ewro kull wieħed.

Iżda min hu dan Kenneth Camilleri? L-eks uffiċjal tas-Servizzi Sigrieti, eks PC1091, kien ġie trasferit bħala uffiċjal tas-sigurta personali tal-Prim Ministru Joseph Muscat wara l-elezzjoni tal-2013.

Camilleri, minn Burmarrad, issemma’ wkoll bħala wieħed mill-persuni li kienu preżenti għal laqgħa li Neville Gafa għamel fil-Libja. Din il-laqgħa għadha sa llum imdawwra minn diversi misteri, fosthom x’kien ir-rwol ta’ Gafa, għalfejn saret u x’ġie diskuss matulha.

Neville Gafa, li wara xhur ta’ ħabi sar magħruf li jaħdem f’Kastilja, ilu għall-aħħar jiem jidher dieħel u ħiereġ bil-ħarba minn Kastilja.

Inqabad ukoll, minn ġurnalista ta’ The Times of Malta, hu u dieħel fir-residenza ta’ Keith Schembri ftit wara li dan tal-aħħar inħeles mill-arrest.