Internazzjonali

Franza: Kundanna għad-desekrazzjoni ta’ ċimiterju għal-Lhud

Il-Mexxejja fi Franza kkundannaw att ieħor anti-Semitiku fil-pajjiż wara li persuna jew persuni mhux magħrufa żebgħu l-emblema tan-Nażi ma’  ‘il fuq min 100 qabar ġo ċimiterju tal-Lhud viċin il-belt ta’ Strasburgu.

Id-desekrazzjoni taċ-ċimiterju, fejn inżebgħu numru ta’ swastikas mal-oqbra, qed titqies bħala l-aħħar espressjoni ta’ intolleranza mill-entitajiet estremisti tal-lemin.

Intant, il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, qal li pajjiżu jinsab determinat biex jirreżisti l-mewġa ta’ anti-Semitiżmu fil-pajjiż.

Iċ-ċimiterju inkwistjoni jinsab f’Westhoffen, fir-reġjun ta’ Alsace u qrib il-fruntiera tal-Ġermanja.

Dan meta fl-aħħar xhur kienu rappurtati diversi attakki anti-Semitiċi f’dan ir-reġjun li fihom spikkaw messaġġi u sinjali tas-supremaċisti qalb iċ-ċimiterji għal-Lhud. Fi Franza bħalissa qegħdin jgħixu mal-550,000 Lhud, li qed jiffurmaw l-akbar komunità tal-Lhud fl-Ewropa.