Futbol Sport

Gowl kmieni f’kull taqsima jrebbaħ lil Manchester United fir-ritorn ta’ Mourinho f’Old Trafford

(Ritratt: EPA)

Manchester United kisbu rebħa importanti ta’ 2-1 kontra Tottenham f’Old Trafford, f’logħba li kienet l-ewwel waħda għal Josè Mourinho minn meta ntemmet l-avventura tiegħu fit-tmexxija tar-Red Devils. B’din ir-rebħa r-Red Devils qabżu lil Tottenham fil-klassifika. L-eroj tagħhom kien Marcus Rashford li skorja ż-żewġ gowls.

L-ewwel wieħed wasal wara sitt minuti b’konklużjoni għar-rokna li għelbet lil Paulo Gazzaniga, f’azzjoni li l-gowlkiper seta’ għamel aħjar hekk kif il-ballun għadda minn fuq idejh u ħabat mal-wieqfa qabel daħal fix-xibka. Manchester United kienu l-aħjar tim tul l-ewwel taqsima iżda sofrew il-gowl tad-draw fid-39 minuta b’intelliġenza ta’ Dele Alli li ġibed il-ballun fuq rasu fil-kaxxa u b’konklużjoni minn qagħda ideali għeleb lil David de Gea.

Il-gowl li spiċċa fired liż-żewġ timijiet wasal fil-bidu tat-tieni taqsima meta Manchester United ingħataw penalty wara li ġie ġġudikat li Moussa Sissoko waqqa’ lil Marcus Rashford fil-kaxxa. Tottenham tjiebu mal-ħin u għalkemm ma kinux brillanti, lejn it-tmiem poġġew il-pressjoni fuq l-avversarji, għalkemm ma kinux ta’ periklu enormi għal De Gea.

Liverpool baqgħu mhux megħluba u komplew jitfgħu lil Everton fl-inkwiet. Huma rebħu d-derby ta’ Merseyside 5-2 f’dik li kienet it-48 logħba konsekuttiva mhux megħluba f’Anfield. Divock Origi fetaħ l-iskor fis-sitt minuta meta rċieva passaġġ preċiż wara d-difiża ta’ Sadio Mane, qabeż lil Jordan Pickford u xeħet f’xibka vojta. Xherdan Shaqiri rdoppja fis-17-il minuta meta rċieva mingħand Mane u skorja u żerżaq il-ballun fix-xibka b’konklużjoni mill-ewwel.

Everton naqqsu d-distakk erba’ minuti wara meta d-difensur Michael Keane skorja mill-qrib wara li Dejan Lovren naqas li jbiegħed kross ta’ Alex Iwobi. Origi sab ix-xibka għat-tieni darba fil-31 minuta meta rċieva ballun fit-tul ta’ Lovren, ikkontrolla u qabbeż fuq Pickford. L-iskor sar 4-1 fl-44 minuta b’kontrattakk veloċi li minnu Trent Alexander-Arnold qassam lejn Sadio Mane li skorja b’xutt għar-rokna minn qagħda ċentrali.

Fil-ħin miżjud, Richarlison skorja t-tieni gowl ta’ Everton fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima b’daqqa ta’ ras. Fit-tieni taqsima, Everton tjiebu u setgħu daħlu fil-logħba diversi drabi. Georginio Wijnaldum issiġilla r-rebħa fid-90 minuta meta rċieva tajjeb mingħand Roberto Firmino u skorja b’xutt fil-baxx għar-rokna.

Chelsea rritornaw għar-rebħ ukoll b’rebħa ta’ 2-1 f’darhom kontra Aston Villa. Tammy Abraham skorja ż-żewġ gowls fir-ritorn tiegħu wara li kien imweġġa’. L-eks plejer ta’ Aston Villa fetaħ l-iskor fl-24 minuta b’daqqa ta’ ras mill-viċin wara kross ta’ Reece James. Aston Villa ġabu d-draw fil-41 minuta permezz ta’ Trezeguet wara li kien irċieva mingħand Ahmed El Mohamady. Chelsea reġgħu marru fil-vantaġġ tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima meta Willian tefa’ kross lejn Abraham li b’sidru qassam lejn Mason Mount li għeleb lil Tom Heaton.

Leicester kisbu s-seba’ rebħa konsekuttiva fil-Premier League wara li fil-King Power Stadium għelbu lit-tim tal-qiegħ Watford 2-0. Jamie Vardy fetaħ l-iskor fil-55 minuta minn penalty, f’dik li kienet is-seba’ logħba konsekuttiva li fiha skorja gowl. James Maddison għalaq il-logħba fil-ħin miżjud hekk kif Leicester saħħew it-tieni post.

Wolves telgħu fil-ħames post fil-klassifika wara li għelbu lil West Ham 2-0 f’Molineaux Stadium. Leander Dendoncker poġġa lit-tim ta’ Nuno Espirito Santo fil-vantaġġ wara 23 minuta meta rċieva korner ta’ Joao Moutinho u għeleb lil David Martin. Huma assiguraw mit-tliet punti fis-86 minuta bl-attakkant Patrick Cutrone jirċievi mingħand is-sostitut Pedro Neto qabel skorja b’xutt fir-rokna ta’ isfel tax-xibka.

Southampton kisbu tliet punti importanti b’rebħa ta’ 2-1 kontra Norwich f’konfront bejn żewġ timijiet li jinsabu fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika. L-attakkant Danny Ings fetaħ l-iskor fit-22 minuta b’daqqa ta’ ras wara kross ta’ James Ward-Prowse. Ryan Bertrand irdoppja l-iskor fit-43 minuta meta wkoll irċieva mingħand Ward-Prowse. Is-solitu Teemu Pukki naqqas id-distakk fil-65 minuta b’konklużjoni preċiża mill-kaxxa.

Premier League

Ilbieraħ: Burnley v Manchester City 1-4, Crystal Palace v Bournemouth 1-0

Illum: Chelsea v Aston Villa 2-1, Leicester v Watford 2-0, Manchester United v Tottenham 2-1, Southampton v Norwich 2-1, Wolves v West Ham 2-0, Liverpool v Everton 5-2

Għada: Sheffield United v Newcastle 8.30pm, Arsenal v Brighton 9.15pm

Ikkummenta