Futbol Sport

Ibrahimovic jagħti ħjiel li se jirritorna fis-Serie A

(Ritratt: EPA)

Zlatan Ibrahimovic qal li se jingħaqad ma’ klabb li jrid jirritorna għar-rebħ u anki għamel referenza li se jarahom l-Italja dalwaqt. Dawn il-kummenti tal-Iżvediż komplew jikkonfermaw spekulazzjonijiet persistenti li jista’ jirritorna ma’ Milan.

Ibrahimovic ħabbar li se jħalli lil Los Angeles Galaxy fi tmiem il-kuntratt f’dan ix-xahar wara li kien ingħaqad magħhom f’Marzu tas-sena l-oħra. L-attakkant ta’ 38 sena lagħab żewġ staġuni ma’ Milan bejn l-2010 u l-2012.

Magħhom rebaħ is-Supercoppa Italiana u s-Serie A fl-2011, l-aħħar kampjonat mirbuħ minn Milan. Fil-preżent, Milan jinsabu fil-11-il post fil-klassifika bi 17-il punt minn 14-il logħba, 20 punt taħt il-leaders Inter.

“Se ningħaqad ma’ klabb li għandu bżonn jirritorna għar-rebħ, li jrid iġedded l-istorja tiegħu u li qed ifittex battalja kontra kollox u kulħadd. Dik hi l-unika triq li nkun nista’ nsib il-motivazzjoni neċessarja biex nerġa’ nissorprendikom. Mhix kwistjoni ta’ li nagħżel tim għaliex hemm fatturi oħra fosthom l-interessi tal-familja tiegħi,” qal Ibrahimovic lil GQ Italia.