Il-President tal-UEFA Aleksander Ceferin kellu kritika lejn il-VAR iżda kkonċeda li ma jistgħux idawru d-deċiżjoni biex titneħħa t-teknoloġija. Is-sistema tal-Video Assistant Referee żiedet fl-importanza tagħha mit-Tazza tad-Dinja tal-2018.
Diversi kampjonati maġġuri daħħlu din is-sistema u dan l-istaġun kien imiss il-Premier League fl-Ingilterra. Fl-Ingilterra s-sistema qed taħdem ftit differenti hekk kif ir-referees mhux qed jaraw l-azzjoni fil-pitch. Dan qed iwassal għal aktar kontroversji hekk kif qed tiżdied il-frustrazjoni tal-partitarji wkoll.
Ceferin ammetta li qatt ma kien partitarju tat-teknoloġija iżda saħaq li ppropona xi bidliet lill-International Football Association Board, li hu r-regolatur tar-regoli tal-logħba.
“Ma naħsibx li t-tolleranza ta’ ċentimetru jew tnejn għal offside, eżempju hu biżżejjed. Il-linji jiġu mpinġija mill-uffiċjali tal-VAR. Għalhekk fi ftit suġġettiva l-kriterja. Il-proposta tagħna se tkun u se niddiskutuha mad-diviżjoni tar-referees li jkun hemm tolleranza ta’ bejn 10 u 20 ċentimetru.”
Ceferin kompla li fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA ma jkunx hemm ħafna interventi għaliex il-Kap tar-Referees Roberto Rosetti qal li jrid ikun żball ċar u ovvju. Hu kompla li kien xettiku qabel u mhux favur l-implimentazzjoni iżda ammetta li ma jistgħux imorru lura issa.
//= $special ?>