Lokali

“Il-protesti fi Pjazza Ħelsien m’għandhomx ikunu ristretti” – Il-Kamra tal-Periti

Il-protesti li qegħdin isiru f’Misraħ il-Ħelsien huma espressjoni tas-sentiment pubbliku u m’għandhomx jiġu ristretti b’mod indebitu. Din l-istqarrija ħarġet mill-Kamra tal-Periti fid-dawl ta’ dak li ġara t-Tnejn li għadda u anki fil-jiem ta’ qabel, meta fi Pjazza Ħelsien tpoġġew numru ta’ barrikati, bil-misraħ ikun kważi magħluq għal kollox.

L-istqarrija kompliet billi qalet li d-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona dwar l-Ispazji Pubbliċi għall-Abitat III (2016 – Ġnus Magħquda), li tagħha Malta hi firmatarja, tisħaq dwar id-dritt tan-nies li “jagħmlu tagħhom l-ibliet” li jimplika l-bżonn ta’ “rispett u protezzjoni ta’ numru ta’ drittijiet u libertajiet, bħalma huma d-dritt ta’ l-espressjoni u d-dritt tal-ġabra, id-dritt għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-proċessi ta’ deċiżjonijiet.”

Il-Kamra tal-Periti qalet li l-politika u l-ispazji pubbliċi għandhom relazzjoni intima – it-tnejn huma kkonċernati bil-ħajja pubblika, bir-relazzjonijiet li għandna mal-oħrajn, il-mod kif ngħixu u ninteraġixxu ma’ xulxin.

Intqal li l-ispazji pubbliċi huma wara kollox “il-palk tal-ħajja pubblika”, il-post fejn isiru ċelebrazzjonijiet, protesti, u kif ukoll fejn isir il-kummerċ.

“Irridu naċċertaw li l-ispazji pubbliċi jagħtu sostenn lill-kwalita’ tal-ħajja tagħna u lill-kultura, u li jesprimu dak li s-soċjeta’ tikkunsidra bħala importanti”

L-istqarrija għalqet billi intwera l-apprezzament għall-ħtieġa li jiġu żgurati s-saħħa u s-sigurtà taċ-ċittadini kollha iżda tħassib jibqa’ jippersisti dwar il-mod sproporzjonat li bih qed tiġi okkupata Pjazza Ħelsien bil-barrikati tant li qed jiġi mxekkel għal kollox l-użu ta’ dan l-ispazju pubbliku.